Żgħażagħ, motivati u lesti biex ibiddlu d-dinja: din hija l-aħjar deskrizzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew għaż-Żgħażagħ fl-Armenja. Hovsep Patvakanyan, il-kap u l-fundatur tal-EYP Armenja qalilna dwar l-esperjenzi tiegħu meta waqqaf din l-organizzazzjoni straordinarja għaż-żgħażagħ fl-Armenja u dwar l-ideat tal-għaġeb li ngħataw il-ħajja grazzi għall-isforzi tal-membri tagħha.
Fl-2012 Hovsep, ġuvni b’xagħar u għajnejn skuri, ta’ qalb tajba u minn tagħna, flimkien ma’ sieħbu, ħassew il-bżonn li jagħtu nifs ġdid lill-qasam edukattiv informali tal-Armenja. Riedu jsibu mod kif jinkoraġġixxu lill-Armenjani biex ikunu ċittadini b’iktar għarfien u iktar responsabbiltà. Meta saru jafu bil-pjattaforma edukattiva tal-EYP li teżisti f’madwar 35 pajjiż Ewropew, iddeċidew li jikkunsidraw fid-dettall l-aspetti legali u loġistiċi sabiex iwaqqfu grupp fl-Armenja. Sabiex jilħqu dan l-iskop, l-ewwel ipparteċipaw f’xi wħud mis-sessjonijiet barra minn pajjiżhom biex jakkwistaw għarfien aħjar dwar kif taħdem sessjoni tal-EYP. Wara, għamlu bosta laqgħat mal-Membri Mexxejja tal-Bord biex iwaqqfu s-sisien għal sħubija sħiħa għall-Armenja fin-netwerk tal-EYP. Għalhekk, tnieda l-proċess, u nħadem u ġie ppreparat pjan ta’ żvilupp għas-sena ta’ wara. Il-EYP Armenja beda b’ħames persuni biss, imma kienu impenjati fis-suċċess tiegħu u kellhom viżjoni ċara ta’ fejn riedu jaslu fi żmien sena. Sena attiva ħafna rat iktar u iktar nies jingħaqdu mal-grupp u fl-aħħar kisbu sħubija sħiħa fl-14 ta’ Diċembru 2012.
Mhuwiex faċli li ssir parti mill-EYP imma x-xogħol iebes żgur jagħmilha vallapena għax tieħu lura u titgħallem ħafna f’salt wieħed. Dan huwa rekwiżit għal min hu interessat li jbiddel xi ħaġa fid-dinja tagħna. Hovsep jispjega li, “Bħala netwerk pan-Ewropew, il-EYP jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-membri tiegħu f’avvenimenti internazzjonali, għalhekk huwa meħtieġ ta’ mill-inqas għarfien bażiku tal-Ingliż. Ir-restrizzjoni fl-età hija bejn l-14 u t-30 sena u m’hemmx restrizzjonijiet ġeografiċi. Madanakollu, l-iktar ħaġa importanti hi li l-EYP dejjem ifittex nies li jafu jaħsbu b’mod kritiku u kreattiv fuq kwistjonijiet fil-pajjiż tagħhom u fl-Ewropa b’mod ġenerali.”
Imma anke jekk għandek ’il fuq minn 30 sena tista’ tipparteċipa. “Peress li qed nibagħtu delegazzjonijiet mill-Armenja biex jipparteċipaw f’sessjonijiet internazzjonali, inti tista’ tkun ix-xaperon tagħhom. Barra minn hekk, jekk inti espert f’ċertu qasam, inkunu kuntenti li nilqgħuk fostna waqt waħda mill-ħidmiet tagħna tal-kumitat ħalli tkun tista’ taqsam l-esperjenzi tiegħek”, jgħid Hovsep.
Il-proġett edukattiv independenti magħmul għall-bżonnijiet taċ-ċittadin żagħżugħ Ewropew u Armenjan, jinkoraġġixxi l-ħsieb independenti u l-inizjattivi soċjopolitiċi fiż-żgħażagħ u jiffaċilita t-tagħlim ta’ kapaċitajiet soċjali u professjonali kruċjali bħalma huma l-komunikazzjoni interkulturali u l-ħidma f’tim. Minn meta ġie inawgurat fl-1987, miljuni ta’ żgħażagħ ħadu sehem f’sessjonijiet reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, iffurmaw ħbiberiji u għamlu kuntatti internazzjonali fi ħdan, kif ukoll ’il barra mill-fruntieri. Illum il-EYP huwa wieħed mill-ikbar pjattaformi għal dibattitu politiku, laqgħat interkulturali, ħidma politika edukattiva u skambju ta’ ideat fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Il-EYP jikkonsisti minn 35 assoċjazzjoni u organizzazzjoni Ewropea fejn hemm eluf ta’ żgħażagħ attivi fuq bażi volontarja.
Wara erba’ snin biss li beda l-proġett, il-EYP Armenja sar l-ikbar organizzazzjoni taż-żgħażagħ fil-pajjiż bl-involviment ta’ 3600 żagħżugħ f’għaxar reġjuni tal-Armenja b’edukazzjoni minn kulleġġi, mill-università u gradwati. Huma jippruvaw li jkollhom Netwerk tal-Alumini bbilanċjat, iżda skont l-osservazzjoni ta’ Hovsep, madwar 65% tal-Alumini tal-EYP fl-Armenja huma tfajliet, u 35% biss huma ġuvintur. Isemmi wkoll li s-sitwazzjoni hija ħafna iktar differenti fil-Ġermanja, fl-Italja u f’xi rappreżentazzjonijiet oħra tal-EYP fejn it-tendenza qed ixxaqleb lejn il-ġuvintur.
Skont Hovsep, hemm żewġ differenzi ewlenin meta wieħed iqabbel il-EYP ma’ proġetti oħra. Għall-kuntrarju ta’ organizzazzjonijiet oħra, il-forums tal-EYP mhumiex avvenimenti ta’ darba waħda biss. Kull parteċipant ta’ Sessjoni tal-EYP awtomatikament isir Alumnus u jingħata l-kodiċi biex jirreġistra fil-Pjattaforma tal-Alumini tal-EYP fejn huma rreġistrati miljuni ta’ Alumini minn madwar l-Ewropa mit-twaqqif tiegħu fl-1987. F’din il-pjattaforma, minbarra li jaqsmu l-aħjar prattiċi internazzjonali ma’ sħabhom fl-Ewropa, jingħataw aċċess għal bażi tad-dejta ta’ madwar 400 avveniment tal-EYP kull sena, organizzati minn oqsma differenti tal-EYP f’pajjiżhom stess. “B’dan il-mod, parteċipazzjoni f’avveniment lokali wieħed biss jiftaħ bieb għal ħafna opportunitajiet fil-pajjiżi tagħhom jew barra”, jgħid Hovsep.
It-tieni punt li jiddistingwi lill-EYP minn proġetti oħra huwa l-prinċipju tiegħu ta’ “xejn m’għandu jibqa’ fuq il-karta”. Ir-reżoluzzjonijiet kollha adottati mill-forum jintbagħtu lill-istituzzjonijiet rispettivi bħala rakkomandazzjonijiet għall-politika u jiġu ppreżentati għall-konsiderazzjoni mill-membri rispettivi. Kburi, Hovsep jgħid li “saret kooperazzjoni ta’ suċċess kbir fuq din il-kwistjoni mal-muniċipalitajiet ta’ Dilijan, Yerevan, Gyumri, il-Bank Ċentrali tal-Armenja, il-Ministeru tal-Ekonomija tar-Repubblika tal-Armenja, u oħrajn”. Il-pakketti ta’ riżoluzzjoni li jirreferu għall-kwistjonijiet Ewropej jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn rispettivament.
Madanakollu, hemm differenza oħra importanti għal Hovsep. “Dak li jagħmel lill-EYP differenti għalija hija l-atmosfera ta’ familja li teżisti hawn. Kulħadd isir jaf lil kulħadd permezz tal-laqgħat informali tal-Alumini li jsiru kull xahar fi Tsakhkadzor, f’Dilijan, f’Artsakh u f’ibliet oħrajn. Naf lil kull wieħed u waħda minn dawk it-3600 persuna personalment b’isimhom, naf x’qed jagħmlu, f’xiex qed jispeċjalizzaw u kif jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal xulxin. Wara kollox, mhux din hija s-sinerġija meħtieġa biex jinħoloq futur aħjar u iktar responsabbli għal pajjiżna?”
Hovsep jitkellem ukoll dwar il-pjanijiet tal-futur u jenfasizza l-importanza tal-pjan ta’ żvilupp għas-snin 2016/2017 li jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ iktar sessjonijiet fil-kulleġġi f’kull reġjun tal-Armenja u li mbagħad jibgħat l-aħjar parteċipanti ta’ dawn l-iskejjel ’il barra mill-pajjiż biex jaqsmu din il-prattika.
“Hija opportunità għaż-żgħażagħ li mhux biss isemmgħu leħinhom imma li jiltaqgħu verament mal-parlamentari tal-istituzzjonijiet Ewropej, ipoġġu magħhom madwar l-istess mejda u jiddiskutu ċertu kwistjoni, jesprimu l-opinjoni tagħhom u jsiru parti mill-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, għall-maġġoranza tagħhom, din hija esperjenza li tbiddlilhom ħajjithom f’termini ta’ interazzjonijiet ma’ nies tamparhom minn iktar minn 40 pajjiż, li jsiru jafu l-kulturi tagħhom u li jinfetħu l-fruntieri li timponi l-edukazzjoni formali, speċjalment fl-Armenja”, jispjega Hovsep.
Meta mistoqsi dwar l-ikbar sfidi għaż-żgħażagħ fl-Armenja, Hovsep jgħid: “Minn naħa hemm il-mentalità taż-żgħażagħ, il-punt tat-tluq li ‘l-affarijiet huma ħżiena’ u s-suppożizzjoni li xejn ma jista’ jinbidel fil-pajjiż. Min-naħa l-oħra hemm l-għarfien mhux prattiku li jirċievu fl-universitajiet u fl-iskejjel. B’riżultat ta’ dan, m’għandniex units kompetittivi meta l-istudenti jiggradwaw u jidħlu fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba u dan iwassal għal flussi kbar ta’ migrazzjoni ta’ nies mingħajr kapaċitajiet.”
Huwa għalhekk li fil-EYP Armenja, il-membri jagħmlu enfasi speċjali biex iwasslu l-messaġġ tagħhom liż-żgħażagħ: “Dan il-pajjiż għandu futur sabiħ.” Hovsep jgħid: “Dan il-messaġġ huwa l-punt tat-tluq tagħna, mhuwiex diskutibbli jew ikkontestat. Nieħduh bħala fatt.” Ladarba nistabilixxu l-messaġġ, nakkwistawh pass b’pass permezz tal-kapaċitajiet akkwistati mill-forums tal-EYP u l-pjattaforma tiegħu għal livell għalkollox ġdid ta’ proċessi parteċipatorji tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Hovsep jaħseb li hija l-bidla totali tal-mod ta’ ħsieb li hija importanti. “Dik hija r-realtà li ilna noħolqu dawn is-snin kollha, u qed tidher li qed tkun suċċess.”
Il-Parlament Ewropew għaż-Żgħażagħ jimmira li jagħmel bidliet importanti biex jistituzzjonalizza l-kunċett ta’ ċittadinanza u din diġà għamilha b’suċċess. Hovsep joħlom fi żmien meta ż-żgħażagħ ma jkunux qed jgħidu li huma kburin li huma Armenjani minħabba l-istorja jew il-kultura tal-pajjiż. “Kif jista’ wieħed ikun kburi b’xi ħaġa li ngħatatlu mit-twelid?” jistaqsi. Hu jittama li permezz tal-EYP, in-nies xi darba jitgħallmu jkunu kburin li huma Armenjani minħabba l-istituzzjonijiet kbar tal-Armenja, ir-rispett lejn il-liġi u l-gvern trasparenti tagħha.
[crp]
L-Aħħar Kummenti