Merħba f’Ingrid Paradise!

Antoine u Julie, żewġ studenti universitarji Franċiżi ta’ 20 sena, qattgħu l-“apprendistat tax-xogħol” tagħhom f’orfanatrofju Indjan fejn iltaqgħu ma’ bniet jistinkaw sabiex jiksbu edukazzjoni għal futur aħjar. Huma pprovaw jinkoraġixxuhom u jferrħuhom tul ix-xhur sajfin.

Ftit hemm żgħażagħ Franċiżi li jivvjaġġaw id-dinja qabel ma jmorru l-università. Dik l-hekk imsejħa “sena bajda” (sena maqbuża, jew kif inhi magħrufa aħjar, ‘gap year’) ta’ wara l-iskola sekondarja mhix komuni fi Franza, iżda permezz ta’ ċerti għaqdiet, tal-Erasmus u ta’ apprendistati barra minn xtuthom, xi wħud minn dawn iż-żgħażagħ, bħal Julie u Antoine, issa jistgħu jivvjaġġaw u jiskopru d-dinja.

Iltqajna magħhom meta ġew lura minn Ingrid Paradise f’Siruguppa fl-Istat ta’ Karnataka, viċin ta’ Hyderabad, fil-Lbiċ tal-Indja, u staqsejniehom xi mistoqsijiet.

Antoine and Julie in traditional clothes

Antoine u Julie liebsin ilbies tradizzjonali

Għaliex it-tnejn li intom mortu f’orfanatrofju tal-bniet?

Aħna ħbieb u t-tnejn kellna l-istess xewqa li nsiefru u ngħinu lill-proxxmu. Is-sena l-oħra, grazzi għal “Scouts et Guides de France”, l-organizzazzjoni tal-iScouts tagħna, għal ftit ġimgħat waqt il-vaganzi tas-sajf, ħadna sehem f’missjoni umanitarja, iffinanzjajta minna stess. Is-sajf li għadda, minħabba l-apprendistat li kellna nagħmlu bħala parti mill-istudji tagħna fl-Iskola tan-Negozju ta’ Julie u fl-Iskola tax-Xjenza tal-Kompjuters ta’ Antoine, iddeċidejna li nfasslu proġett simili.

Għaliex għażiltu proprju Ingrid Paradise?

Peress li konna nikkuntentaw ruħna bi kwalunkwe post, iddeċidejna li nfittxu post fejn stajna naħdmu ma’ tfal b’kundizzjonijiet tal-ħajja xejn faċli. Fittixna fost l-organizzazzjonijiet umanitarji l-kbar: mill-Mongolja sal-Filippini, u saħansitra fl-Indja! Oriġinarjament, kellna mmorru n-Nepal, imma sfortunatament it-terremot li kien seħħ irrovina l-bini tal-assoċjazzjoni fejn kellna noqogħdu u ma stajniex immorru hemm. Eventwalment, waqt lejla kulturali Indjana fil-belt fejn noqogħdu, smajna b’SIWOL, li tappoġġja l-orfanatrofju Indjan Ingrid Neeva Jeevana jew “Ingrid Paradise”. Ingrid hu isem l-omm addottiva Ġermaniża ta’ Prema Kundargi, sid l-orfanatrofju, li kienet orfni wkoll.

Ready for school

Lesti għall-iskola

Tarrfulna aktar dwar SIWOL u dan l-orfanatrofju.

SIWOL – Support Indian Women’s Life hija organizzazzjoni Franċiża mwaqqfa minn studenta Franċiża minn “Sciences Po” (Istitut tax-Xjenzi Politiċi) li qattgħet sena fl-Indja. Illum, SIWOL titmexxa minn ħames membri. Hija tiġbor fondi u tibgħat voluntiera l-orfanatrofju. Tipprova tgħarraf lill-Franċiżi dwar l-għawġ li jaffaċċjaw in-nisa fl-Indja. Għalhekk, ta’ sikwit jorganizzaw lejliet kulturali u preżentazzjonijiet. Rigward xogħol l-orfanatrofju, dan jiġbor tfal orfni mill-familji tal-prostituti “tradizzjonali”: id-“devadasis”, li ommha forsi mititilha jew mardet bl-Aids, u l-orfanatrofju jieħu ħsieb li t-tfal jirċievu edukazzjoni xierqa. L-għan tagħhom hu li jipprovdu lil dawn it-tfal imsejknin b’kenn, b’kura medika u b’ikel ta’ kwalità tajba biżżejjed li jgħinhom jikbru u jiffjorixxu. It-tfal orfni kollha jattendu skola privata fejn il-lezzjonijiet jingħataw bl-Ingliż (“skola medjana Ingliża”) sabiex jaċċertaw li jirċievu edukazzjoni tajba li twassalhom biex imorru l-università jew fi skola professjonali.

Min huma d-devadasis?

Id-“devadâsî“ – li letteralment tfisser il-qaddejja tad-divinità – huma nisa dedikati lit-tempju sa minn twelidhom. Huma kkunsidrati li huma l-maħbubin tad-divinità , imsemmijin “nisa dejjem favorabbli” (għaliex żewġhom, jiġifieri l-alla tagħhom, ma jistax imut tul ħajjithom) u għandhom libertà sesswali, li nisa oħra, miżżewġa lil “raġel mortali” m’għandhomx. Meta jilħqu l-pubertà, il-verġinità tagħhom tinbiegħ lil raġel li jista’ jsir klijent regolari tagħhom. Dis-sistema twassal għall-prostituzzjoni minħabba prattiċi reliġjużi; fl-ibliet il-kbar jistgħu jinbiegħu bħala prostituti. Din it-tradizzjoni kienet uffiċjalment ipprojbita fit-tmeninijiet, imma għadha teżisti minħabba l-faqar, it-tradizzjonijiet, pereżempju minħabba fix-xkiel tad-dota, u t-twemmin reliġjuż. Tfajla li ma tiddedikax lilha nnifisha lit-tempju tkun qiegħda tissogra li tmur kontra d-divinità u b’hekk iġġib saħta fuq familtha.

Taking part in their daily life… a nap!

Nipparteċipaw fir-rutina tagħhom ta’ kuljum… raqda ħafifa!

Tistgħu tispjegawlna x’għamiltu fl-orfanatrofju fi kliem aktar konkret?

Domna sitt ġimgħat. Għall-ewwel skoprejna l-orfanatrofju u drajna r-ritmu tal-ħajja ta’ kuljum hemmhekk biex infissru u nfasslu attivitajiet addattati li setgħu jkunu ta’ pjaċir għal 35 resident fi grupp ta’ etajiet ta’ bejn sentejn u 20 sena, u li jgħinuhom fl-istudji tagħhom. Xtaqna wkoll li ngħinuhom jiskopru orizzonti ġeografiċi u kulturali ġodda sabiex jitqawwa l-interess tagħhom f’suġġetti u attivitajiet ġodda li qatt ma kienu jew bilkemm kienu semgħu bihom. Matul dal-proċess żammejna f’moħħna ċ-ċirkustanzi tagħhom u l-iżolament relattiv tal-villaġġ (bi 52,000 inabitant b’kollox) li kien ‘il-bogħod mill-bliet Indjani l-kbar.

Antoine’s big games

Il-logħob ta’ Antoine

Għamilna l-almu tagħna sabiex ninvolvu ruħna fl-orfanatrofju billi konna nieħdu sehem kemm nistgħu fl-attivitajiet ta’ kuljum, mill-kolazzjon sa ħin l-irqad. Ta’ kuljum, konna ngħinuhom bil-homework u nippruvaw nuruhom modi differenti kif jistgħu jagħmlu l-lezzjonijiet tagħhom. Apparti minn hekk, peress li t-tnejn li aħna kellna l-esperjenza fil-qasam tal-attivitajiet soċjokulturali permezz tal-iScouts u għaliex konna morna sessjoni ta’ taħriġ għall-ħaddiema ta’ maż-żgħażagħ, ġieli organizzajna logħob fil-ftuħ u ljieli tematiċi. Organizzajna workshops tal-‘crafts’ bl-idejn u għallimniehom kif jagħmlu l-origamis, kif ukoll lezzjonijiet tat-tisjir b’riċetti sempliċi tal-għaġina. Organizzajna wkoll żewġ ħarġiet: waħda fl-għelieqi fil-kampanja viċin tar-raħal u oħra għall-fiera tar-raħal. Saħansitra ħallasna minn butna għall-ħarġa wara xi negozjar taż-żwiemel mas-sid!

Parti minn xogħolna kien li nikkreaw numru ta’ fuljetti żgħar, b’kull wieħed jirrappreżenta xi monument magħruf madwar id-dinja ħalli t-tfal ikunu jistgħu jiskopru l-kumplament tad-dinja. Konna sirna nafu li l-istudji tagħhom kienu biss dwar l-Indja u r-riżorsi ġeografiċi, ekonomiċi u kulturali tagħha. Ħafna mit-tfajliet kienu jkunu skola għal biċċa mill-ġurnata, allura kellna daqsxejn ħin għal dil-biċċa xogħol.

The frog pop-up

Il-pop-up taż-żrinġ

Ma’ liema problemi ltqajtu?

L-ewwelnett, kienet ħafna sħana u konna nkunu għajjenin ħafna drabi. Bħala post, huwa pjuttost niexef u l-monsun ma ġabx wisq xita dis-sena. Kellna nidraw l-ikel jaħraq tagħhom li ġegħilna negħrqu ħafna għall-ewwel. Is-sitwazzjoni tjiebet wara ftit. Kilna ħafna ross abjad u banana, għaliex l-orfanatrofju ma kienx jaffordja laħam u ħaxix, għalkemm ġieli kien hemm xi ġirien twajba li taw xi ikel bħala donazzjoni. L-ikel varjat kien biss għaċ-ċelebrazzjonijiet. Fir-rigward ta’ komunikazzjoni, il-bniet kienu jifhmu bl-Ingliż mhux ħażin peress li kienet il-lingwa użata fl-istudji tagħhom, imma ma kinux jipprattikawha wisq u kienu jitkellmu ma’ xulxin bil-lingwa nattiva tagħhom, il-Kannada. Madankollu, iltqajna ma’ bniet ġodda li kellhom jitgħallmu l-Ingliż u l-Kannada għaliex il-lingwa tagħhom kienet it-Telougou, il-lingwa tal-istat ta’ ħdejn Karnataka. Meta kellna l-attivitajiet tagħna, bħal-logħob jew il-lezzjonijiet tat-tisjir, konna nispjegaw ir-regoli jew ir-riċetti lil kulħadd, u mbagħad kellna nistaqsu lill-bniet il-kbar sabiex jittraduċu, biex niżguraw ruħna li kulħadd ikun fehem. Anke jekk il-messaġġ tagħna ma jkunx inftiehem ċar u tond, tal-anqas inkunu ċerti li kulħadd irċieva l-istess messaġġ.

Julie’s big games

Il-logħob ta’ Julie

Għalhekk xi drabi l-logħob tagħna għamluh tagħhom, bir-regoli tagħhom! Kellna naddattaw filwaqt li naraw li ħadu gost. Aktar tard, indunajna li kien ikun aħjar li kieku tajniehom eżempji minflok spjegazzjonijiet twal. Iddispjaċiena, iżda, li l-adulti tal-orfanatrofju ma kinux interessati wisq fl-attivitajiet tagħna tad-divertiment. Ovvjament, hemmhekk jagħtu importanza ikbar lill-istudji, milli l-logħob. Xi drabi interrompewna għaliex kien sar ħin l-istudju, ħin l-ikel jew kellhom jitolbu jew jiżbarazzaw il-post.

 

Kif organizzajtu kollox?

Fuq kollox, żammejna f’moħħna l-aspetti kollha tal-proġett: is-saħħa, is-sigurtà, it-trasport, il-finanzi, il-kultura u l-għarfien. L-ewwelnett, ħadna t-tilqim meħtieġ fiċ-ċentru mediku tal-Air France u infurmajna rwieħna dwar ir-riskji tas-saħħa li stajna niltaqgħu magħhom. Imbagħad, irranġajna d-dati skont il-kalendarju akkademiku tagħna u ddeċidejna li mmorru l-Indja minn nofs Ġunju sa nofs Awwissu. Xtrajna l-biljetti f’Marzu sabiex nevitaw il-prezzijiet għoljin. Tkellimna fit-tul ukoll man-nies li jmexxu SIWOL peress li setgħu jgħidulna aktar dwar l-orfanatrofju, u ħsibna f’xi attivitajiet li setgħu jkunu ta’ interess għall-orfni.

U rigward l-iffinanzjar tal-proġett?

Rigward dan, konna diġà xi ftit jew wisq infurmati mill-esperjenza tagħna bħala scouts. Iddeċidejna li niffinanzjaw lilna nfusna: Julie ħadmet f’bank għal xahrejn fis-sajf tal-2014 u Antoine ta lezzjonijiet tal-matematika fiċ-ċentru soċjali u kulturali tal-belt, u darbtejn f’ġimgħa, kien jagħti lezzjonijiet privati filgħaxijiet lil studenti tas-sekondarja għolja. Tlabna wkoll għal xi għajnuna finanzjarja lill-kunsill lokali tal-belt ta’ Antoine, li rċevejna, u mbagħad dorna għall-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv, Ulule, fejn ħbieb u membri tal-familja tawna flus bil-wegħda li nġibulhom rigali mill-Indja.

U mbagħad, wara l-vjaġġ…?

Qsamna l-avventura tagħna ma’ kemm nies stajna biex naċċertaw ruħna li se jkun hemm żewġ persuni jew aktar li joħdulna postna s-sajf ta’ wara. Fl-iScouts pereżempju, mhux magħrufa biżżejjed SIWOL, u li kieku tkellimna biżżejjed dwarha, kienet possibbli li grupp scouts imur hemm fl-2016.

Liem hi l-aktar memorja għal qalbkom?

It-tbissima u l-qalb tajba tal-bniet tal-orfanatrofju. Wara kull attività, kienu jiġu u jirringrazzjawna li ħadna ħsiebhom u li tajniehom ftit ħin ta’ pjaċir.

 

[crp]

 

Awtriċi

Danielle Kramer (Franza)

Tistudja/taħdem: l-Ingliż, l-involviment f’organizzazzjonijiet li jippruvaw ixerrdu l-kotba u jqajmu kuxjenza favur il-qari

Lingwi: il-Franċiż, l-Ingliż, l-Ebrajk, ftit Ġermaniż, ir-Russu, il-Ġappuniż, u Grieg Modern

L-Ewropa hi… mużajk ta’ lingwi u kulturi li għadhom iridu jiġu skoperti.

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php