Lejn id-destinazzjoni li jmiss

“Kollox beda minn meta vvjaġġajt lejn il-Ġermanja biex inżur xi qraba, imbagħad mort il-Bulgarijanżur xi ħbieb. Minn dakinhar ‘l hemm, ħassejt fija l-‘istint’ ta’ vjaġġatur. Is-soltu nagħżel postijiet b’titjiriet mhux għoljin u naqbad u mmur. Nasal, insib ħostel fil-viċinanzi, nagħżel kamra u mbagħad niskopri l-post.”

 

Runvel-1 Il-Kosta Rika, in-Nikaragwa, il-Panama, New York, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, is-Serbja, il-Belġju, l-Ingilterra, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Ungerija, ir-Russja, l-Iżvezja, l-Ukrajna, il-Ġordan, il-Kambodja, il-Malasja, Singapore, Sri Lanka, it-Tajlandja. Le, din mhix silta mir-rumanz ‘Madwar id-Dinja fi 80 Ġurnata’. Tista’ tkun. Hija silta mill-avventuri tal-ivvjaġġar ta’ Costas, il-vjaġġatur u l-osservatur li ppubblika tagħrif dwar dawn fuq il-blog tiegħu Runvel. Silta li kienet iġġiegħel anke lil Phileas Fogg jgħir. Jien żgur għirt. Iltqajna miegħu biex insiru nafu kif beda kollox u għala se jkompli jdur id-dinja.

Kif torganizzahom il-vjaġġi tiegħek?

Ma norganizzahomx. Is-soltu l-ippjanar u l-organizzazzjoni jkunu improvizzati. Ma nikkunsidrax lili nnifsi bħala bniedem organizzat u għalhekk il-vjaġġi tiegħi jkunu xi ftit ‘traskurati’; xi ħaġa li, ovvjament, ma nirrakkomandax lill-qarrejja tal-blog.

Kif inhi l-esperjenza li tivvjaġġa waħdek? Hemm xi riskji?

Fl-Ewropa, b’mod ġenerali, il-bliet kapitali li żort ma kienx fihom xi periklu. Darba filgħaxija kont ġo bar fil-Litwanja u ltqajt ma’ koppja u bdejna nitkellmu. Spiċċajna nixorbu l-birra ma’ sħabhom sal-għada filgħodu u qgħadna nitkellmu fuq il-kultura Griega u nilagħbu t-table football. F’mument minnhom staqsewni: ‘M’intix inkwetat dwar il-fatt li ħiereġ ma’ nies li għadek kif iltqajt magħhom f’pajjiż barrani?’. Għidtilhom, ‘Le. M’intkomx inkwetati dwar il-fatt li qegħdin ma’ persuna ma tafuhiex minn pajjiż barrani?’ Imbagħad kollha kemm aħna nfqajna nidħku. Dawn il-mumenti ta’ min jgħożżhom. Għandek tkun onest man-nies, imma tara li ma tpoġġix lilek innifsek f’wisq riskju.

Bħala vjaġġatur, x’titgħallem mill-aġir tan-nies?

Se nwieġeb il-mistoqsija tiegħek b’inċident li ġara meta kont qed nivvjaġġa mill-Kambodja għat-Tajlandja. Immaġina: nofsinhar, basket fuq dahri, triq għalkollox vojta, u madwari, għelieqi u widien bla tmiem. X’kien l-iskop tiegħi? Li nimxiha sal-villaġġ li jmiss. ‘Minn hemm aqbad tal-linja’, kont qed naħseb. Allura bqajt miexi u bqajt miexi u bqajt miexi. Bdejt naħseb, ‘Żgur li ħadt żball’, u ‘żgur li għamilt xi ħaġa ħażina’. Wara ħmistax-il kilometru ta’ mixi rrealizzajt ‘Ok, hawnhekk m’hawn xejn.’

Runvel-2

Allura x’għamilt?

Spiċċajt fejn ċentru militari u urejthom il-mappa u l-post fejn ridt immur bil-mixi. Tawni ħarsa stramba imma tawni d-direzzjonijiet. Allura komplejt miexi u fortunatament, wara xi ħin, waqfet koppja bil-karozza.

Koppja erġajt…

Iva, qisha xi ħaġa marbuta mal-karma din. Wara li spjegawli li kont xi mkien ‘il-bogħod maqtugħ minn kullimkien, offrew li joħduni sal-eqreb villaġġ. Bil-ġiri qbiżt għal ġol-karozza! Bdejna nitkellmu, sakemm hu possibbli li titkellem mal-barranin. Kienu nies sempliċi, nies li ‘jaqilgħuha u jikluha’, kif ngħidu aħna. Kienu għadhom kif spiċċaw xift ta’ bejn tmienja sa għaxar sigħat fejn kuljum, kienu jsuqu madwar tmenin kilometru ‘l hemm u lura. Ġabru barrani, iffrankwali xi għoxrin kilometru mixi – dik kienet id-distanza sal-eqreb belt – ħaduni sal-istazzjon ta’ tal-linja, xtrawli l-biljetti u dan kollu mingħajr biss ma nitkellmu l-lingwi ta’ xulxin. L-għajnuna tagħhom kienet deċiżiva għall-vjaġġ tiegħi. Nirringrazzjahom.

Żort ħafna postijiet fl-Asja. X’tgħidilna dwarha?

“L-Asja togħġobni, għal bosta raġunijiet: is-sbuħija naturali tagħha, in-nies edukati u minn tagħna. It-Tajlandja għoġbitni ħafna. Nixtieq li kelli iktar żmien naraha sew, biex ma nsemmix ukoll l-ikel eċċellenti tagħhom.”

Taħseb li l-ikel jagħmel parti minn kull kultura?

Bla dubju jagħmel parti integrali minnha. L-ikel huwa kultura u jiżvela ħafna dwar post u dwar in-nies ta’ dak il-post. Għandi ristorant fil-Greċja ma’ familti u nsajjar ikel Grieg tradizzjonali, allura dejjem nipprova nduq l-ikel lokali fil-postijiet li nżur, minn perspettiva professjonali wkoll.

Runvel-4

Liem postijiet impressjonawk l-iktar fl-Asja?

Minkejja li m’iniex materjalist, ikolli nammetti li kont impressjonat ħafna bil-livell ta’ żvilupp fis-Singapore. Hija belt ‘tal-Punent’, organizzata ħafna u nadifa immens. It-trasport pubbliku kien preċiż sal-inqas sekonda. Kien post sikur ħafna. Kont impressjonat ukoll b’Amman. Minkejja li ma tistax tqabblu ma’ Singapore, ma hemmx dubju li jispikka fost l-istandards tal-Lvant Nofsani. Amman belt għanja b’livell għoli ta’ għajxien u bi stabbiltà politika. U jekk toqgħod taħseb, il-Ġordan huwa l-uniku pajjiż li ma għandux żejt. Xi drabi ż-żejt huwa saħta.

X’tgħidilhom lin-nies li qed jikkunsidraw li jivvjaġġaw?

Tibqgħux taħsbuha u aqbdu u agħmluha. Id-dubji warrbuhom, toqogħdux tibżgħu minħabba l-ispejjeż u itilqu għal għonq it-triq. Inħeġġeġ anki lin-nisa li jridu jivvjaġġaw waħidhom biex jagħmlu hekk. Niftakar li meta kont is-Sri Lanka, kont iltqajt ma’ Spanjola fuq il-ferrovija jien u ġej min-Nepal. Kienet ilha tivvjaġġa waħidha għal xhur sħaħ. Kienet qed iġġorr basket enormi. Bdejna nitkellmu. Qalet li ma kellha lanqas l-iċken l-idea ‘l fejn kienet sejra”.

Runvel-5

X’parir tagħti lil nies li se jivvjaġġaw għall-ewwel darba?

Ikkunsidraw il-klima u l-bidla fit-temp ta’ fejn tkunu sejrin u agħżlu l-ħwejjeġ u ppakkjaw il-basket ta’ fuq daharkom b’attenzjoni kbira.”

Hija xjenza, hux hekk, kif tippakkja l-basket?

Dażgur li hi. Nemmen li nippakkjah sew… b’kumbinazzjoni.

Lilek, bħala persuna, x’taħseb li offrielek l-ivvjaġġar?

L-ivvjaġġar jiftaħ l-imħuħ. Sirt iktar kalm. Kull darba li nirritorna lura minn vjaġġ, dejjem inħossni iktar seren. Inzertajt smajt xi ħbieb jitkellmu fuq l-affarijiet li kont rajt u kont naf li ma kien xejn minnu. Ippreferejt li ma nitkellimx… Sirt napprezza l-affarijiet. Sirt napprezza aktar ’il-Greċja… sirt napprezza s-sbuħija naturali tagħha, mhux ix-xena ekonomika u politika. Tgħallimt ukoll nagħraf in-nuqqasijiet, l-iżbalji u l-‘affarijiet ħżiena’ li jeżistu f’pajjiżi.

Runvel-3

Taħseb li l-ivvjaġġar huwa ‘skola’?

Dażgur li huwa. L-ivvjaġġar jgħallem. Ma hemmx għalfejn tmur l-università biex teduka ruħek… Li rrid ngħid hu, iva hemm għalfejn, imma l-ivvjaġġar huwa tip ieħor ta’ edukazzjoni. Huwa skola kbira fejn l-għalliema huma nies ta’ kuljum; mara tad-dar li tittrattak b’qalb tajba minkejja li inti barrani, xufier tat-taxi li se jgħidlek ċajta u jdaħħqek meta jarak għajjien. L-ivvjaġġar huwa xi ħaġa li ma niddejjaqx ninvesti flusi fih. Waħda mir-raġunijiet għala ħloqt il-websajt Runvel kienet għax xtaqt inżomm rikordju tal-esperjenzi kollha tiegħi. Ridt nagħmel tip ta’ djarju li kien se jkun aċċessibbli għal kulħadd u li nista’ naqsam ma’ kulħadd. Jekk nimmotiva anke persuna waħda biex tivvjaġġa, jew jekk xi ħadd iżur post u jgħidli, ‘Iva, huwa bħalma ddeskrivejt fil-websajt tiegħek’, allura nemmen li nkun ilħaqt l-għan tiegħi.

Taħseb f’pajjiżek meta tivvjaġġa?

Iva, il-Greċja dejjem tkun f’moħħi. Meta nitlaq għal xahar speċjalment, inħoss li kollox ser ikun differenti meta nerġa’ niġi lura, imma kollox ikun baqa’ l-istess. Forsi jkun inbidel il-Prim Ministru (jidħak).

Runvel-6

L-għan li jmiss ta’ Costas – li ġie żvelat lilna wara li tfejna r-rekorder tal-vuċi – huwa li jmur fuq vjaġġ xi ftit iktar ‘avventuruż’… vjaġġ li se jinkludi mixja fuq il-muntanji għal bosta jiem (bejnietna biss, smajna l-isem ‘Patagonia’). Nittamaw bis-sħiħ li jirnexxielu jagħmlu, li jibqa’ onest bħalma dejjem kien u li jibqa’ jimla l-basket ta’ fuq dahru b’biċċiet tad-dinja li għadhom qed jistennew li jiġu skoperti.

Jekk trid li jkollok idea aħjar u iktar ċara tal-esperjenzi tal-ivvjaġġar ta’ Costas, tista’ żżur il-websajt tiegħu: Runvel (dalwaqt bl-Ingliż).

[crp]

Awtur

Yiorgos Toumanidis (Greċja)

Jistudja / Jaħdem: Studji tal-Kultura Ewropea, Teatru, Kitba tat-Teatru & Kitba Kreattiva

Lingwi: Grieg, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa hi…taħlita eċċellenti ta’ kulturi li għandha tiġi mħallta bil-mod it-tajjeb.

Twitter: @yiorgostouma

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti u l-Ingliż fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Română, [Main Site], Ελληνικά and Русский.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

The cookie settings on this website are set to "allow cookies" to give you the best browsing experience possible. If you continue to use this website without changing your cookie settings or you click "Accept" below then you are consenting to this.

Close