“Il-ħolma tiegħi kienet li nsir attur. Minflok, noħloq skulturi mir-roti tal-karozzi.”
Aghvan kien joħlom li jsir attur però ma kellux iċ-ċans iwettaq din il-ħolma minħabba li ta’ 14-il sena kellu jitlaq mill-iskola u jibda’ jaħdem biex imantni lill-familja tiegħu. L-ewwel impjieg tiegħu kien ma’ furnar, għaldaqstant nistgħu ngħidu li l-ewwel professjoni tiegħu kienet bħala furnar. Meta għalaq 18-il sena, huwa daħal fl-armata bil-lieva. Wara li għamel is-sentejn meħtieġa, hu ma xtaqx imur lura għax-xogħol li kellu qabel, allura ħa xi lezzjonijiet u sar speċjalista tar-roti tal-karozzi.
“Ix-xogħol huwa ta’ strapazz imma kelli bżonn xogħol biex naqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Għal dawn l-aħħar 8 snin, kuljum l-istess rutina: inqum kmieni fis-7:00am, niġi x-xogħol, nieħu belgħa kafè mal-ġar tiegħi u mbagħad jibda x-xogħol. Ikolli l-klijenti sa tard bil-lejl, sat-8:00pm, ġieli anka sad-9:00pm. Meta x-xogħol ikun kwiet noqgħod nara t-televixin. Wara x-xogħol immur id-dar u norqod.”
Aghvan jaħseb li ħajtu taf tidher tedjanti għal ħafna min-nies, però hu kburi fejn li kapaċi jmantni lilu nnifsu u lil familtu, u li kulm’għandu ħadem u stinka għalih. Tliet snin ilu però, ġrat ħaga li ġiegħlitu jsir iħobb ix-xogħol tiegħu iktar minn qatt qabel.
“Nuża xogħli biex noħloq biċċiet tal-arti uniċi.”
Huwa ddeċieda li juża l-fdalijiet mir-roti biex jagħmel xi ħaġa utli. Li jkun kreattiv billi juża r-roti tal-karozzi ma kinitx daqshekk faċli u allura għal bidu beda billi jagħmel l-iktar affarijiet sempliċi, bħal vażuni tal-qsari. Kien imbagħad jiżbogħhom biex jagħtihom ftit stil. Aghvan kien ferm kuntent b’xogħlu u kien ipoġġihom ħdejn il-faċċata tal-ħanut.
“Wara ftit taż-żmien, in-nies li jgħaddu minn quddiem il-ħanut bdew jgħiduli dwar l-iskultura tal-ġenn li hemm fiċ-Ċentru tal-Arti ta’ Cafesjian. Qaluli dwar skultura kbira ta’ ljun li għamilha professjonist famuż, li kienet magħmula kollha kemm hi minn roti ta’ karozzi antiki . Tant smajt dwar din l-iskultura li ħassejt li kelli mmur u naraha. Ikolli ngħid li kont impressjonat u allura għamilt ftit riċerka dwarha u skoprejt li din l-iskultura kellha qafas tal-metall u li fuqu twaħħlu biċċiet tar-roti. Jien ħsibt bejni u bejn ruħi, x’jiġri jekk issir kollha kemm hi mir-roti?”
L-għada filgħodu, Aghvan beda jaħdem fuq skultura tiegħu ta’ ljun magħmula mir-roti. Huwa uża l-karattru ta’ Simba mill-film animat favorit tiegħu, The Lion King. L-uniċi għodda li uża kienu sikkina, kolla u żebgħa. Id-denb, id-dahar u s-saqajn kienu faċli u rnexxielu jlestihom f’ġurnata, però għamel il-ħamsin jum ta’ wara jaħdem biss fuq ir-ras.
“Meta lestejtha, ħassejt ħafna ferħ u sodisfazzjon għax-xogħol li kont għamilt. Kien irnexxieli nagħti l-prova lil ħafna nies li r-roti nfushom huma biżżejjed biex toħloq skulturi meraviljużi.”
Dan is-sens li rnexxielu joħloq xi ħaġa speċjali tah spinta biex ikompli. Hu kompla joħloq figuri interessanti. Tgħallem jagħmilhom aħjar u iktar malajr. Fi tlett ijiem kapaċi jagħmel kwalunkwe figura li tiġih f’moħħu.
“L-ideat u l-ispirazzjoni tiegħi jiġu mit-tfal. Huma jgħaddu minn quddiem il-ħanut u jitolbu xi figura ġdida u meta jerġgħu jgħaddu, għid li se jsibuha hemm. S’issa diġà għamilt iktar minn 70 skultura u tajthom lil ħames skejjel tal-kindergarten differenti.”
In-nies dejjem ikunu sorpriżi meta jaraw ix-xogħol ta’ Aghvan li jġiegħlhom jieqfu, jiskopru, jistaqsu xi mistoqsijiet u mbagħad jibqgħu sejrin fi triqithom bi tbissima.
“Nemmen li nġib ħafna hena lin-nies.”
“Kulħadd għandu jkollu tir fil-ħajja lejn xiex jistinka u jagħmel l-almu tiegħu. Li temmen fik innifsek hija iktar importanti mill-opportunitajiet li jkollok, jew anke mill-edukazzjoni li tirċievi. Kulm’għandek tagħmel hu li tkun pożittiv dwar kollox. Jekk hemm xi ħaġa li tixtieq tipprova, aqbad u ppruvaha, agħmilha realtà. Jaf ma sseħħx, jaf ma jirnexxielekx tikseb daqt li xtaqt jew ħlomt, imma l-aqwa li tibqa’ sejjer ’il quddiem u ma taqtax qalbek. Dan huwa l-prinċipju ta’ ħajti.”
Issa Aghvan għandu ħolma ġdida. Jixtieq li jgħin lill-familji fil-bżonn. Irid li jsir benefattur kbir, li jgħin lil kull familja, kull bniedem li għandu bżonn l-għajnuna. Hu diġà jgħin lin-nies imma permezz ta’ mezzi żgħar kif jista’. Hu jgħin lil kull tifel jew tifla li jmorru fuqu fit-triq.
“It-tfal inħobbhom. Nixtieq li jkolli mill-inqas ħamsa: erbat ibniet u tifel. Irrid li jkunu ġenerużi u prosperi. Nittama li wliedi jkunu artisti. Nixtieq li nkun nista’ nagħtihom l-aqwa minn kollox sabiex huma jsiru uniċi, professjonisti speċjali, u biex dak li jagħmlu jagħmel bidla vera f’din id-dinja.”
[crp]
L-Aħħar Kummenti