F’pajjiżi bħalma hi Spanja, wara li tkun lestejt mill-edukazzjoni post-sekondarja, li tmur direttament l-università jista’ jidher bħala l-pass loġiku, jew saħansitra, bħala l-uniku pass li għandek tieħu. Madankollu, f’pajjiżi oħra, bħall-Ġermanja pereżempju, li tieqaf mill-istudji għal sena sar suġġett popolari. Din hija d-differenza kulturali bejn iż-żewġ mistoqsijiet: X’se tistudja? u X’se tagħmel?, spjegata mill-esperjenza tal-awtriċi waqt li kienet qed tagħmel l-esperjenza tagħha tal-Erasmus.
Diġà ddeċidejt x’kors trid tagħmel l-università? Din hija l-iktar mistoqsija li jiġi mistoqsi kull student Spanjol kuljum wara li jkun lesta mill-edukazzjoni post-sekondarja. Din il-mistoqsija, li ma’ l-ewwel daqqa t’għajn tidher li hija waħda innoċenti, fil-verità fiha nassa. Din il-mistoqsija tassumi li malli tlesti mill-edukazzjoni post-sekondarja, għandek mal-ewwel tibda kors l-università, u jekk hu possibbli, fil-villaġġ tiegħek stess.
Ma jimpurtax jekk għandekx idea pjuttost ċara, jew jekk m’għandek l-ebda idea dwar xi trid tagħmel f’ħajtek. Dawn l-hekk imsejħa “gap years” jew snin ta’ sabbatiku huma kkunsidrati mis-soċjetà bħala ħela ta’ ħin. Li tagħmel sena taħdem, tagħmel xogħol volontarju jew tivvjaġġa biex titgħallem il-lingwi u twessa’ l-orizzonti tiegħek jitqiesu bħala ħela irreparabbli.
Din is-sitwazzjoni ma teżistix biss fi Spanja imma f’pajjiżi Mediterranji oħra wkoll, speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn il-familja tingħata valur kbir u fejn, fil-passat, ma kienx hemm ħafna possibilitajiet li wieħed jidħol l-università.
Il-fatt li għażliet oħra barra li mill-ewwel tibda tistudja biex iġġib il-lawrja universitarja lanqas biss jiġu kkunsidrati f’ dawn il-pajjiżi kellu effett kbir fuq il-fatt li ħafna mill-istudenti universitarji tagħna jħossuhom xi ftit imħawdin waqt li jkunu l-università għax “dak huwa li suppost għandhom jagħmlu”. Iħossuhom maqbuda f’kors tal-università, jistudjaw għal lawrja li lanqas biss togħġobhom minħabba l-pressjoni biex “jagħmlu xi ħaġa utli”.
Kien għalhekk li, meta mort il-Ġermanja biex nagħmel l-Erasmus (programm li wkoll jiġi kkritikat), sibtha bi tqila biex infiehem lill-sħabi Ġermaniżi li kienu jaqsmu l-appartament miegħi, li kienet ħaġa normali f’pajjiżi li tibda l-università malli tlesti mill-edukazzjoni post-sekondarja. “Kif, għandek 20 sena u diġà wasalt f’nofs l-istudji tiegħek? Jien għandi iktar żmien minnek u għadni nibda,” qalli wieħed minnhom eżatt malli ltqajna. U dawn it-tipi ta’ mistoqsijiet saru komuni meta kont niltaqa’ ma’ nies ġodda.
Dan ix-xokk tal-bidu wassal għal mistoqsijiet iktar profondi: “Kif inhu possibbli li żgħażagħ ta’ 17 jew 18-il sena jkollhom jagħżlu l-futur tagħhom b’mod definittiv mingħajr ma jkunu vera esperjenzaw u sploraw id-dinja?”
Kollha kemm huma kienu għamlu ta’ mill-inqas gap year waħda qabel ma bdew il-kulleġġ, u sħabi li kienu jaqsmu l-appartament miegħi kienu biss kampjun tas-sitwazzjoni fil-Ġermanja. Fiż-żmien li qattajt fil-pajjiż, iltqajt ma’ ħafna Ġermaniżi li kienu jafu jitkellmu bl-Ispanjol, u l-biċċa l-kbira tagħhom kienu tgħallmuh f’dik is-sena meta għamlu xogħol volontarju f’pajjiżi bħaċ-Ċili jew il-Messiku. Oħrajn kienu daru d-dinja jew kienu qed jaħdmu biex jakkwistaw ftit esperjenza fl-iktar oqsma diversifikati. Il-mistoqsija li jistaqsu lill-istudenti li jkunu waslu biex ilestu ż-żmien tagħhom fl-iskola post-sekondarja hemmhekk hija waħda għalkollox differenti: “X’se tagħmel?” Ix-xelta ta’ possibilitajiet, biċ-ċar, hija waħda ikbar. U din il-ħaġa ma sseħħx biss fil-Ġermanja imma f’pajjiżi Ewropej oħra wkoll, bħall-Olanda jew speċjalment, fir-Renju Unit.
Jidher li hemm differenza kulturali interessanti f’kif jaħsbu fuq l-edukazzjoni ogħla u kif din issir. L-idea tal-“gap year”, li ħarġet mill-pajjiżi fejn jitkellmu bl-Ingliż b’riżultat tar-revoluzzjoni kulturali tas-sittinijiet sabet inqas diffikultajiet biex daħlet fil-mentalità Ġermaniża u Olandiża milli f’dik Spanjola jew Portugiża. Dan seta’ ġara minħabba li, fil-Ġermanja ta’ mill-inqas, diġà kienu mdorrijin li jibdew il-kulleġġ ftit iktar tard peress li ż-żmien li jagħmlu fl-edukazzjoni post-sekondarja jdum ftit iktar (13-il sena flok it-12-il sena li nagħmlu fi Spanja). Barra minn hekk, is-servizz militari obbligatorju (u s-servizz ċivili obbligatorju) baqa’ mandatorju sal-2011, allura, ma kinitx tidher bħala xi ħaġa stramba jew mhux tas-soltu li tagħmel xi ħaġa oħra qabel ma tmur l-università.
Ikolli nammetti li meta wasalt fil-Ġermanja (forsi impressjonata wisq bil-ħsieb li kull ħaġa li hija barranija hija aħjar) ma stajtx ma nkunx impressjonata mill-possibilità li sibt hemmhekk li tagħżel fost ħafna iktar għażliet u toroq, li tkun tista’ tbiddel triqtek mingħajr ma tiġi kkunsidrata bħala waħda irresponsabbli. Ħafna minn sħabi Ġermaniżi spiċċaw jistudjaw xi ħaġa totalment differenti mil-lawrja li kienu bdew jistudjaw għaliha oriġinarjament (mill-Istorja għall-Mediċina, jew mill-Ġestjoni Kulturali għat-Tagħlim fl-Iskejjel Primarji) u l-ivvjaġġar għalihom ma kienx xi ħaġa li kont tagħmilha qabel ma tibda l-kulleġġ: il-Kanada, l-Ingilterra, l-Afrika t’Isfel u ċ-Ċili kienu d-destinazzjonijiet għas-semestru li jmiss, u qed nitkellem biss fuq sħabi li joqogħdu miegħi.
Madankollu, fil-konverżazzjonijiet u d-diskussjonijiet li kien ikollna, xi ftit minn sħabi ammettew li fil-Ġermanja hemm tip ta’ pressjoni biex tivvjaġġa, li tistudja għal ta’ mill-inqas semestru xi mkien ieħor u li, b’xi mod, ma tmurx il-kulleġġ eżatt wara li tlesti mill-iskola post-sekondarja. Jidher li bħala studenti, kullimkien qegħdin taħt pressjoni, minkejja li dawk il-pressjonijiet u stennijiet jistgħu jkunu kontradittorji.
Is-soluzzjoni tista’ tkun li, minkejja pajjiżek, inti tkun tista’ tagħżel x’inhu l-aħjar għalik. Imma biex tilħaq din il-ħaġa, hemm bżonn ta’ mezzi u ta’ appoġġ istituzzjonali, xi ħaġa li ma ssibx kullimkien. Minkejja li jeżistu ħafna sistemi edukattivi u tradizzjonijiet differenti, għandu jkun hemm progress biex jiġi garantit li kull wieħed u waħda minna nkunu nistgħu nimxu fit-triq li tissodisfa lilna.
[crp]
L-Aħħar Kummenti