Ir-Ritratt Dinji tal-Istampa, wieħed mill-aktar premji prestiġjużi fil-qasam tal-ġurnaliżmu tar-ritratti, ingħata lill-fotografu Gianfranco Tripodo, li f’ritratt li ħa, irnexxielu jaqbad waħda mill-aktar realtajiet ħorox tal-Unjoni Ewropea f’waqtha, is-sitwazzjoni tal-immigranti fil-belt ta’ Melilla
Kont fi knisja l-ewwel darba li smajt dwar Gianfranco Tripodo, f’tempju reliġjuż, proprjament; Niuewe Kerk, li qiegħed fiċ-ċentru ta’ Amsterdam u li fih isseħħ waħda mill-aktar kompetizzjonijiet prestiġjużi tal-ġurnaliżmu tar-ritratti, dik tar-Ritratt Dinji tal-Istampa. Hija xena impressjonanti meta tara ritratti tal-gwerer fis-Sirja, fil-Gaża u fl-Ukranja qalb it-twieqi kbar tal-ħġieġ kulurit u l-pilastri tal-ġebel tat-tempju. Kien proprju hemmhekk li rajt ir-ritratt ta’ Gianfranco Tripodo, ir-rebbieħ ta’ wieħed mill-premji fil-kategorija ‘Aħbarijiet Ġenerali’.
L-ewwel darba li ltqajt ma’ Tripodo (imwieled f’Manila fl-1981) wiċċ imb’wiċċ kien f’kafetterija f’Madrid. Wasal kmieni għal-laqgħa tagħna u xħin wasalt jien sibtu bilqiegħda ma’ mejda tal-injam, diġà qiegħed jaħdem, bil-mejda miżgħuda bil-karti. Kellu l-mowbajl f’id waħda, lista ta’ affarijiet li kellu jagħmel f’idu l-oħra, u kafè fuq il-mejda, jistenna li jinxtorob waqt l-intervista.
Xtaqt li nibdew billi niddiskutu r-ritratt rebbieħ; x’kienu ċ-ċirkustanzi relatati mar-ritratt?
Kont ilni naħdem fuq dan is-suġġett għal tliet snin imma kont naf li kien jonqosni r-ritratt tal-qabża minn fuq iċ-ċint [il-belt Spanjola Melilla, li qiegħda fit-Tramuntana tal-Afrika, hija separata mill-Marokk b’ċint imdawwar minn tliet naħat]. Għal xi raġuni jew oħra dejjem kont qiegħed nitlef il-mument opportun, xi drabi għaliex iwaqqafni l-Gwardjan taċ-Ċivil, drabi oħra għax inkun tlaqt il-jum eżatt qabel ma ġrat. Infatti, kont ilħaqt iddeċidejt li dik kellha tkun l-aħħar darba tiegħi f’Melilla, u l-aħħar darba li qiegħed naħdem hemm. Kont qiegħed waqt intervista fiċ-Ċentru Temporanju għall-Barranin (CETI) meta avżawni li kien hemm xi nies li qegħdin jaqbżu minn fuq iċ-ċint. Xħin wasalt fil-post, kien hemm xi 40 persuna fuq kabina ħdejn il-fruntiera. Meta kien fadlilhom l-aħħar ċint x’jaqbżu, beda l-ħbit bejnhom u bejn il-pulizija, li bdew jibagħtu n-nies lura lejn il-Marokk. Xi wħud ħarbulhom u rnexxielhom jistaħbew taħt il-karozza li tidher fir-ritratt. Niftakarni qiegħed niġbed xena fuq ix-xellug, lanqas niftakar x’kienet eżatt, u f’daqqa waħda ndur u nara dawn iż-żewġ persuni taħt il-karozza. Wieħed minnhom ma jidhirx fir-ritratt għax qiegħed wara l-ieħor. Ħadtilhom ritratt u komplejt fuq xi ħaġa oħra li lanqas niftakar x’kienet. Kollox ġara f’daqqa. Aktar tard skoprejt li dawn it-tnejn irnexxielhom jibqgħu f’Melilla u ma jintbagħtux xi mkien ieħor.
Kif tagħżel is-suġġetti u l-postijiet ta’ xiex tixtieq tieħu r-ritratti?
Normalment tkun b’kumbinazzjoni, ta’ min iżid li m’iniex wisq interessat fl-aħħar aħbarijiet. Infatti, meta bdejt b’xogħli f’Ceuta u f’Melilla, il-kwistjoni ma kinitx magħrufa wisq – bilkemm kienet qiegħda tixxandar. Kont waħdi u minħabba f’hekk, kelli aċċess għaċ-Ċentru (CETI) f’Ceuta.
Rajt ir-ritratti tiegħek taċ-Ċentru Temporanju għall-Barranin (CETI), li fihom turi t-tim tal-futbol li għaqqdu l-immigranti taċ-Ċentru stess. Naħseb li hi idea tajba li turi n-nies, għax normalment, fir-ritratti, l-immigranti jiġu mpinġija bħala merħla waħda, u mhux bħala individwi.
Għalija mhuwiex każ temporanju li rrid nipprova nbigħ ir-ritratti tiegħu lill-gazzetti. Hija xi ħaġa li ilha tinteressani, allura ma kontx taħt il-pressjoni tal-fotografi ‘freelance’, li jmorru direttament fuq ix-xena biex jiġbdu r-ritratt waħdieni mixtieq. Kelli aktar ċans biex nieħu aktar ritratti li jispjegaw il-kuntest.
Kif tpatti għall-ħin kollu li tqatta’ taħdem fuq proġetti li ma titħallasx għalihom?
Naħdem għal xi magazins u klijenti kummerċjali, u permezz t’hekk naqla’ ftit flus u nkun nista’ niddedika ruħi lil dawn l-inizjattivi.
Tirbaħ il-ħin, biex ngħid hekk.
Hekk hu. U b’hekk inkun nista’ niddeċiedi. Ħsibtha sew u rajt li jkolli ekonomija sostenibbli biex naħdem fuq il-proġetti li nixtieq jien.
Tiftakar meta għidt lilek innifsek li ridt tiddedika ruħek għal dan ix-xogħol?
Minn dejjem kienet togħġobni l-fotografija; infatti, għall-preċett kont qlajt kamera, il-kamera awtomatika tipika tan-Nikon, li għadha għandi. F’żgħożiti dejjem kont inġorr kamera miegħi u meta dħalt l-università interessajt ruħi fil-fotografija dokumentarja. Imma li kieku kelli nagħżel mument definittiv, dan kien meta mort noqgħod Madrid u kont l-assistent ta’ Ricky Dávila u meta kkollaborajt ma’ Cesura Lab, grupp ta’ fotografi żgħażagħ Taljani li għandhom il-kuntatti ma’ Alex Majoli, fotografu mal-aġenzija Magnum.
Naħseb illi huwa qasam vokazzjonali għax donnu li l-bidu jidher daqsxejn kumplikat.
Il-bidu huwa kkumplikat ħafna fil-verità….
Kemm hi importanti l-perseveranza?
Skont Alex Majoli, tirnexxi biss jekk tkun determinat.
L-aħħar darba qrajt intervista ma’ Manu Brabo u qal l-istess ħaġa; fl-aħħar mill-aħħar irid ikollok rasek iebsa.
Iva, importanti li jkollok rasek iebsa. Trid tkun lest taħdem ħafna u tagħmel ħafna sagrifiċċji. Pereżempju, rari nara lil sħabi minn Napli u dejjem inħalli xahar miż-żmien tal-vaganzi li jkolli biex immur xi mkien waħdi, kemm nieħu r-ritratti. U l-flus dejjem imorru biex nipproduċi xi proġett jew biex nixtri xi apparat.
Liema kameras tuża normalment?
Dejjem nipprova li ntejjeb u nagħmel l-aħjar użu mill-apparat li għandi. Bħalissa qiegħed naħdem b’Olympus, kamera mingħajr mera, pjuttost żgħira. Għandi apparat ieħor tal-Olympus, u tliet jew erba’ lentijiet. Nippreferi nuża fokali fissi; għandi 28, 35 u 50. Ħafna mir-ritratti bihom niġbidhom.
Tiddeċiedi tużax abjad u iswed skont is-suġġett li tkun qed tiġbed?
Jiddependi xi ftit mill-każ, iva. L-abjad u l-iswed għandu l-kapaċità tal-astratt, li naħseb li jagħmel aktar effett għal ċerti affarijiet. Ħafna mir-referenzi tiegħi huma fotografi li jużaw l-abjad u l-iswed, allura meta bdejt ħassejtni ħafna aktar komdu nuża dat-tip ta’ stil, li jvarja ħafna mill-kulur. Imma kull darba li nuża l-kulur, inħossni iżjed komdu bih u qed nużah aktar dal-aħħar.
Min huma dawn in-nies ta’ referenza li semmejt?
Jolqtuni ħafna r-ritratti tan-nies, pereżempju Richard Avedon. Insegwi wkoll lil Anders Petersen, Daido Moriyama, Paolo Pellegrin, Laia Abril…
Teżisti xi tip ta’ klikka fid-dinja tal-ġurnalisti fotografi, jew hija professjoni ta’ waħdek sulu?
Huwa xogħol solitarju. Għandi numru ta’ ħbieb li naqsam magħhom l-esperjenzi li jkolli u r-ritratti li nieħu, imma d-dinja tal-ġurnaliżmu tar-ritratti u dokumentarji permezz tar-ritratti hija verament ċkejkna. Bejn wieħed u ieħor, kulħadd jaf lil xulxin – nafu min hu min u x’jagħmel.
Hemm kompetittività bejn il-kollegi?
Ħafna.
Kompetittività pożittiva? Jew tisirqu l-ideat ta’ xulxin?
It-tnejn. Jiddependi mill-persuna. Hija dinja kompetittiva immens, għaliex xogħlok imur f’xi kumpaniji tal-midja, bejn 20 u 50 madwar id-dinja. Fl-istess ħin hemm elf persuna li jridu aċċess għall-istess kumpaniji. Minn dal-elf hemm 500 li huma tajbin ħafna. Hemm ħafna kompetizzjoni.
Ħafna fotografi jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ sapport mill-midja – jgħidu li l-fotografu mhuwiex stmat biżżejjed.
Speċjalment fi Spanja. Hija sitwazzjoni kumplikata. Il-mezzi tal-midja huma ftit, huwa diffiċli ħafna li tikseb xogħol magħhom u ma jiffukawx fuq kwistjonijiet diffiċli.
Diffiċli kif?
Stejjer b’suġġetti li jafu jqajmu kontroversja – għandhom tendenza li jevitawhom.
Għaliex taħseb li jagħmlu hekk?
Għaliex fl-aħħar mill-aħħar, kull xorta ta’ midja, sa ċertu punt, tirċievi l-fondi mir-reklamar. Meta jingħaqdu l-edituri u l-pubblikaturi, huma ma jingħaqdux biex iwettqu l-ġurnaliżmu biss, imma f’moħħhom ikollhom x’se jgħidu l-kumitati tar-riklamar u tat-tmexxija, li mhumiex iffurmati biss mill-ġurnalisti, iżda wkoll min-nies li għandhom ishma fil-kumpanija u nies li m’għandhomx x’jaqsmu mal-ġurnaliżmu persè. Xi jfisser dan? Ħeqq, ifisser li forsi stejjer kontroversjali bħal żgumbrament ma dehrux fil-midja, għalkemm hi kwistjoni taħraq u emerġenza soċjali fi Spanja.
Dehru biss f’midja alternattiva …
Iva, u hemm fotografi bħal Olmo Calvo li ilhom żmien twil jaħdmu fuq dan u xerrdu l-istorja ‘l barra minn Spanja. Aktar minn hekk, ippubblikawha f’esebizzjonijiet kbar. Hi kwistjoni li bilkemm iħalluk tippubblika dwarha fi Spanja.
Ma jħallukx tippubblika minħabba l-oppożizzjoni ta’ banek li huma reklamati fil-gazzetti?
Iva, iwaqqfuk. Hemm ċerti influwenzi fil-bord editorjali. L-istess jiġri bil-każ ta’ Melilla; urewh biss meta kienet emerġenza u ġabuh fil-faċċata tal-gazzetta, imma ma jinkludux rapporti dettaljati dwar is-sitwazzjoni tas-Sirjani f’Melilla pereżempju.
Ejja nkomplu bil-kwistjonijiet politiċi, għaliex kif ċertament taf, riċentament ġiet approvata fi Spanja l-liġi hekk imsejħa ‘il-liġi li ssoddlok ħalqek’ . Lilek kif taffettwak?
Qegħdin jippruvaw, u naħseb li qed jirnexxielhom, li jġiegħlu lil dak li jkun jaħsibha darbtejn qabel ma jieħu ritratt. Jekk iqisuh indiċenti, jistgħu jippenalizzawk direttament. Huma l-pulizija u mhux il-qorti, li jiddeċiedu hux tajjeb jew ħażin dak li t-tali jkun qiegħed jagħmel. Ma jidhirx quddiem il-qorti kriminali. Ħafna minn dawn il-każijiet diffiċli jaħdmu fuqhom dawk li jaħdmu għal rashom u ma jaffordjawx li jħallsu 30 elf ewro jew 60 elf ewro multa. Li tagħmel dil-liġi hu li tikkriminalizza informazzjoni ħielsa u hija liġi dittatorjali minnha nnifisha.
Stajt qlajt multa minħabba r-ritratt rebbieħ tiegħek?
Mhux għal dak ir-ritratt partikolari, għaliex ma jidhrux uffiċjali tal-pulizija fih. Imma qabel ma ħadt ir-ritratt, wasalt għal ftehim mal-aġenti. Illum il-ġurnata, dak il-ftehim jista’ jispiċċa billi jgħidulek “Jekk tkompli, se taqla’ multa.”
Inti taħdem għal rasek. Tippreferi tibqa’ taħdem hekk?
Iva, żgur. Ma rrid kuntratti ma’ ħadd.
Minħabba l-libertà?
Iva, u għax bdejt bil-kriżi, fl-2007…
U fl-aħħar kellek riżultat tajjeb permezz ta’ dar-ritratt għaliex ingħatajt il-premju. Qatt stennejt xi ħaġa bħal din?
Le, qatt ma tistennieha. Dejjem tixtieqha, toħlom dwarha u kull sena tinkiteb għall-premju, imma qatt ma tobsor li se tirbaħ int.
Bħal Santa Klaws …
Tixxiebah ftit ma’ lotterija. Din is-sena ġew sottomessi 100,000 ritratt. Minn dawk kollha, 40 jgħaddu, u li jirbaħ tiegħek minn dawk l-40 huwa kważi miraklu żgħir.
Biddillek ħajtek b’xi mod il-premju, apparti li issa għandek nies bħali jintervistawk?
Apparti (jidħak). Ismek isir aktar magħruf ovvjament u jagħtik ċertu prestiġju. Hija nota li tispikka fil-kurrikulu. Imma ma naħsibx li l-premju jagħmlek fotografu aħjar jew agħar. Il-mod kif naħdem ma nbidilx, u lanqas il-personalità tiegħi.
Kif tiddistingwi lilek innifsek, apparti mill-perseveranza li semmejt qabel?
Bl-istejjer li tagħmel u t-tip ta’ missjoni li għandek bħala fotografu. Ma nsejjaħlux stil, imma għandu x’jaqsam ma’ x’tip ta’ persuna int. Il-viżjoni tiegħek hi l-personalità tiegħek fil-verità, il-mod tiegħek kif tgħix f’din id-dinja. Dak hu li jiddistingwik minn ħaddieħor li jkun qiegħed jaħdem fuq l-istess storja.
Milli nista’ nara, il-fotografu tradizzjonali li jaħdem b’għan wieħed biss …
Dak miet. U nemmen li għal ċerti affarijiet, aħjar hekk.
Imma hu aktar instabbli hekk.
Huwa ħafna aktar instabbli, li jwassal għan-nies jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni li hija prekarja ħafna. Peress li jafu li kulħadd hu ddisprat, ibaxxu l-prezzijiet, il-kundizzjonijiet huma abbużivi, ma jagħtux kas id-drittijiet tal-istampa, u l-bqija. Din ma ddoqqli xejn, u naħseb li bħala fotografi, bħala fotografu ‘freelance’, hemm bżonn li nieħdu pożizzjoni ċara u b’saħħitha dwar dawn l-abbużi u nistabilixxu li m’aħniex se naħdmu taħt ċerti kundizzjonijiet, u daqshekk, m’hemmx lok għall-medjazzjoni. Apparti dan, ġeneralment huwa żmien tajjeb għall-fotografija għax kollox għadu jrid jiġi vvintat. Tagħmel li trid. Hemm pjattaformi diġitali li l-pubbliku hu aktar infurmat u viżwalment edukat dwarhom. Iħalluk tagħmel ħafna aktar affarijiet. Taffaxxinani dil-ħaġa. Għalija dak il-fotografu li ħadem biss ma’ tliet klijenti f’ħajtu huwa monotonu wisq, orribbli.
L-esebizzjoni tar-ritratti ppremjati fir-Ritratt Dinji tal-Istampa se tittella’ f’aktar minn 100 post, inkluż f’Madrid, fil-Moska, u f’Mexico City.
Għal aktar informazzjoni: http://www.worldpressphoto.org/exhibitions
Gianfranco Tripodo dalwaqt jippubblika ktieb dwar il-proġett tal-“Fruntiera tan-Nofsinhar”, li se jinkludi r-ritratt rebbieħ tar-Ritratt Dinji tal-Istampa.
http://www.gianfrancotripodo.com/DOCUMENTARY/FRONTERA-SUR/43
[crp]
L-Aħħar Kummenti