L-Ewropa u Jien – Ittra ta’ mħabba

L-Ewropa għaddejja minn żmien diffiċli u huwa bit-tama biss, u b’xi ftit ta’ idealiżmu wkoll, li nistgħu negħlbu din il-kriżi. F’ittra lill-kontinent nattiv tagħha, l-awtriċi tagħna tiftakar fl-aħjar mumenti ta’ żgħożitha li qattgħet mal-Ewropa u tibqa’ tittama għall-futur. Din hija ittra ta’ mħabba għall-Ewropa.

Ilna nafu lil xulxin ħajti kollha. Meta kont żgħira, urejtni l-bajjiet tal-Italja fil-vaganzi tas-sajf, u l-quċċati tal-muntanji tal-Awstrija mgħottijin bis-silġ fix-xitwa. Fil-jum tal-għeluq l-erba’ snin tiegħi ċċelebrajna flimkien fil-Greċja fejn tgħallimt kif insuq rota fl-isqaqien dojoq ta’ Antiparos. Kont sabiħa u eċċitanti u dejjem kont hemm għalija. Waqt li kont qed nikber, int ukoll kont qed tikber u ssir iktar b’saħħtek. Akkumpanjajtek fl-iktar mumenti importanti ta’ ħajtek, kif għamilt inti f’tiegħi. Hekk kif komplejt nikber, ivvjaġġajna flimkien waqt skambji skolastiċi fl-Iskozzja u fir-Repubblika Ċeka, fejn skoprejt ukoll affarijiet għalkollox differenti fuqek waqt li kont mitlufa f’sakra dwarek. Il-ħbiberija ta’ bejnietna saret iktar profonda sena wara sena, u ħsibt li kont nafek sew.

Kont hemm waqt li għomejt fil-linja ħarxa tal-kosta Atlantika tal-Brittanja u meta ittantajt xortija fl-isport tal-windsurfing. Flimkien ippassiġġajna fil-belt l-antika ta’ Barċellona u kilna l-lángos ħdejn il-Lag Balaton. Ħadd ma setgħa jirrakkonta stejjer daqshekk eċitanti bħal ma stajt int. Waqt li ppassiġġajna ġo Venezja, bla tbatija, int erġajt tajt ħajja lil żminijiet ferm imbiegħda, u f’Berlin fdajt fija l-iktar sigrieti oskuri.

Anja-winter
Anja-Antiparos-2

Xi ftit ta’ snin ilu mort ngħix għal sena f’Malaga fi Spanja fejn sibt ruħi f’ambjent internazzjonali ħafna. In-nies li kienu joqogħdu miegħi fl-istess appartament kienu mill-Olanda, mit-Turkija, minn Franza, mill-Italja u mill-Ġermanja. Konna niddiskutu ħafna fl-appartament tagħna: mir-raġunijiet għall-popolarità ta’ Berlusconi għall-politiki tal-armi fl-Amerika, għall-vantaġġi u l-iżvantaġġi dwar is-sistema tal-Baċċellerat u l-Masters. Dawn il-konversazzjonijiet kollha stgħanewni u wrewni li lkoll kemm aħna minn din l-istess rokna tad-dinja, minn din ir-roqgħa żgħira tad-dinja li għandha tant x’toffrielna u li tant hi storikament u kulturalment marbuta flimkien. Ma kontx l-unika waħda li tkellimt b’mod imħeġġeġ dwarek u din il-ħaġa kont naraha tal-ġenn. Irċevejt perspettiva totalment ġdida dwar art twelidi. Irrealizzajt li kollha kemm aħna konna żgħażagħ b’esperjenzi simili ħafna, bl-istess opinjonijiet, ħolm u xewqat. U int dejjem hemm kont. Qatt ma ħassejtni daqshekk qrib tiegħek bħalma kont inħossni f’dawk il-mumenti.

F’salt wieħed kien hemm xi ħaġa ġdida bejnietna, sens ta’ intimità li qatt ma kont ħassejt qabel. F’daqqa waħda sirt iktar minn ħabiba tajba, sirt inħobbok. Konna għal xulxin u jien ħadtha fuqi li nara li int kont sejra tajjeb. Iżda sfortunatament kelli nkun xhud ta’ kif inti issilitt iktar u iktar. Kellek attakki ta’ dipressjoni u kriżijiet ta’ identità li heżżu l-fiduċja fik innifsek u qamet minn ġo fik rewwixta interna. Kien diffiċli għalija li narak hekk. Dejjem ħsibt li sibt fik sieħba b’saħħitha u determinata, xi ħadd li dejjem kien se jkun preżenti. Iżda f’daqqa waħda, ħassejtni ninkwieta għalik.

Ilna f’relazzjoni mill-bogħod għal xhur twal issa. Issa qed noqgħod il-Kolumbja. Minkejja li jogħġobni hawnhekk, xi drabi nħoss in-nuqqas tiegħek ħafna peress li, kemm ilni hawn, is-sentimenti tiegħi ma għamlu xejn ħlief tqawwew. Ta’ spiss tgħidli dwar il-problemi li qed iħabbtuk dan l-aħħar, dwar il-kunflitt intern tiegħek. Waqt il-mumenti kritiċi, bil-lejl nibqa’ mqajma bit-tama li nisma’ xi aħbar ta’ kambjament. Inkwetata ħafna għalik. Nixtieq insaħħek u nappoġġjak. Nemmen fik u rrid ngħinek tegħleb din il-kriżi.

Anja-Malaga

Iżda vuċi waħda ftit li xejn tista’ tirranġa, quddiem il-kontradizzjonijiet interni tiegħek. Għandek bżonn miljuni ta’ vuċijiet biex terġa’ tibni l-fiduċja fik innifsek. Għandek daqstant ħbieb, aċċetta l-għajnuna li joffrulek! Urihom ix-xettiċi tiegħek x’inti kapaċi tagħmel, kemm inti b’saħħtek. Ewropa, jien għandi fiduċja li jirnexxielek u dejjem tista’ toqgħod fuqi.

[crp]

Awtriċi

Anja Meunier (Ġermanja)

Tistudja: il-Matematika u l-Ekonomija

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa għandha… pajjiżi sbieħ, nies interessanti u stil ta’ ħajja eċċellenti. U għandha tibqa’ magħquda

500px: Anja Meunier

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php