Bidu Ġdid

Fiċ-ċentru tal-edukazzjoni u taħriġ Kolping fi Schwandorf fil-Ġermanja, refuġjati u immigranti minn madwar id-dinja jaqsmu l-istess klassi. Kulturi differenti, problemi ta’ kuljum u tamiet għal futur aħjar jiffurmaw din l-esperjenza ta’ tagħlim.

Qegħdin bilwieqfa f’forma ta’ ċirku u qed iwaddbu ballun lil xulxin. Min jaqbdu jrid jintroduċi lilu nnifsu u jagħti merħba lill-klassi permezz ta’ “bonġu” bil-lingwa tiegħu/tagħha. 14-il persuna jaqbdu l-ballun. Fi tmien każijiet, it-tislim jinstema’ differenti. Iż-żgħażagħ ta’ 10b li jattentu klassijiet fiċ-ċentru tal-edukazzjoni Kolping fi Schwandorf ġejjin mis-Sirja, mill-Eritrea, mill-Iraq, mir-Repubblika Ċeka, mill-Polonja, mis-Serbja u mir-Repubblika Dominicana. L-għalliema tagħhom, Anna Hanf, hija Ungeriża. L-istudenti ħarbu lejn il-Ġermanja waħidhom jew flimkien mal-familji tagħhom bit-tama li jsibu futur aħjar. L-iżgħar studenti għandhom 16-il sena, l-ikbar qegħdin f’nofs l-għoxrinijat. Huma jitgħallmu l-Ġermaniż l-ewwelnett, però jkollhom ukoll klassijiet tal-edukazzjoni fiżika, tal-edukazzjoni soċjali, tat-tisjir kif ukoll tal-crafts. Kollox jidher familjari, però, fil-verità, kollox huwa pjuttost differenti.

Il-ħitan tal-klassijiet huma miksija bi stampi mpenġija bl-idejn, b’titli bħal “Il-Kanzunetta Għarbija Tagħna”, “Il-Kanzunetta Spanjola Tagħna”, “Nafu ngħoddu sa għaxra – b’sitt lingwi differenti: Spanjol, Kurdu, Persjan, Bożnijak, Ċek u Tigrinjan” kif ukoll regoli tal-kondotta, spjegazzjoni tal-prepożizzjonijiet u kurċifiss Kristjan. Żewġt ibniet Sirjani libsin xalla tar-ras ipoġġu f’naħat differenti tal-kamra. Anastasia, tifla Griega minn klassi oħra qaltilna li diġà kien hemm xi diżgwid minħabba kunflitti dwar ir-reliġjonijiet differenti. Fl-istess ħin, wieħed jista’ jara sew li kulħadd huwa milqugħ hawn, huma ta’ liema denominazzjoni reliġjuża huma. Dawn iż-żgħażagħ jistgħu tassew ikunu mudelli ta’ koeżistenza paċifika u tolleranti.

L-għan prinċipali tal-lezzjoni tal-lum huwa li jirrevedu l-proġett taċ-ċirku tal-ġimgħa l-oħra u jitgħallmu kliem ġdid mill-istess għalqa lessikali: mixi, żfin, rota b’rota waħda, buffu, titjir, twaddib. Dawn l-aħħar tnejn l-iktar li qed jikkawżaw inkwiet. Għalfejn mhuwiex korrett li tgħid: “Nista’ ntajjar il-ballun”? Mhux il-mistoqsijiet kollha jistgħu jitwieġbu mal-ewwel għaliex l-atmosfera hija waħda allegra u ta’ għajjat. Il-letarġija bla spirtu tal-istudenti Ġermaniżi ma teżistix hawn. Minkejja dan, il-lezzjonijiet huma strutturati. Ir-raġunijiet għat-tagħlim huma differenti. Tista’ faċilment tismagħhom jiċċajtaw bejniethom, eżatt bħalma jagħmlu ż-żgħażagħ Ġermaniżi huma wkoll : “Isma xbin! Xiż-żikk qed tgħid?” Però xi wħud jibqgħu siekta u jdumu iktar biex jippruvaw jgħidu xi kelma ġdida. Biss biss huma bdew jitgħallmu l-alfabett ftit tax-xhur ilu. Huwa diffiċli li ssib mod kif tgħallem klassi daqshekk varjata u li tibqa’ ġust ma’ kulħadd. Il-livelli ta’ edukazzjoni u tagħlim minn qabel huma varjati ħafna. Is-sinjura Hanf iddeċidiet li tuża l-istudenti ta’ livell intermedju fil-klassi bħala punt ta’ referenza, anke jekk b’hekk tissogra li titlob ftit minn xi wħud u wisq minn oħrajn. Li ssib kotba għal dan il-metodu huwa diffiċli.

Jeżisti inqas materjal fuq kif għandek tirreaġixxi ma’ żgħażagħ li għaddew minn affarijiet li ma jistgħux jitkellmu dwarhom; mhux biss minħabba l-konfini tal-lingwa. Is-sinjura Hanf spjegat kif ħafna jdumu sa ma jibnu l-fiduċja u jkunu f’pożizzjoni emozzjonalment fejn jistgħu jitkellmu dwar il-passat tagħhom. Però hemm raġuni oħra il-għaliex ma jaqsmux dak li għaddew minnu. Persuni li qed ifittxu asil jintbagħtu lura fil-pajjiż fejn itteħdulhom il-marki tas-swaba għall-ewwel darba. Skont il-Konvenzjoni ta’ Dublin, dan huwa l-pajjiż li jiddeċiedi jekk jeħdux l-asil jew le. Ħafna mill-applikanti ma jiftħux ħalqhom dwar ir-rotot li għaddew minnhom biex ma jtellfux lil min ġej warajhom, jew biex ma jitilfux iċ-ċans li jġibu l-asil fil-Ġermanja huma stess.

Neuanfang_header

Ħadd ma jaf kif Senait, li suppost għandu 16-il sena, wasal il-Ġermanja mill-Eritrea mingħajr ma nqabad qabel, jew liem rotta ħa. Imma hu jinsab hawn: mingħajr passaport – li probabbli nħaraq żmien ilu – mingħajr data tat-twelid, u mingħajr familja. Minkejja li għadu ma tgħallimx l-alfabett sew, kellu għarfien tal-istruttura tas-sentenzi Ġermaniżi ħafna qabel sħabu tal-klassi. Bħall-oħrajn, Senait jaf għalfejn qiegħed jistudja. Hu mhuwiex imdejjaq. It-tagħlim u l-iskola għalih huma affarijiet ġodda u eċċitanti. Meta t-test li jkunu kkomponew flimkien jinqara fl-aħħar tal-lezzjoni, xi wħud anke jgħollu jdejhom għal darba oħra biex itejbuh. Permezz tal-għalliema, huma rrealizzaw li ma ġewx f’art li tnixxi ħalib u għasel u li jridu jitgħallmu biex ikunu jistgħu jsibu xogħol. Minkejja dan, ħafna jieqfu jmorru l-iskola kmieni u jmorru jfittxu xogħol minflok. Ħafna ħallew warajhom familjari f’art twelidhom li qegħdin jistennew l-appoġġ finanzjarju tagħhom, mhux li huma jlestu sentejn ta’ tagħlim u jġibu ċertifikat.

Il-biża’ li jitkeċċew mill-pajjiż tinsab ukoll kullimkien. Tiddomina l-interazzjonijiet fil-klassi ħafna iktar mix-xogħol tad-dar jew mill-ibliet kapitali fil-klassi tax-xjenza soċjali fejn is-Sinjura Maxim qed tipprova tgħallimhom dwar l-istituzzjonijiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea. Huma suppost jitgħallmu kif jifhmu s-sistema li spiċċaw fiha. Dan iwassal għal argumenti jaħarqu fil-klassi. Ħafna drabi jiffittawha billi jgħidulha: “Għalfejn għandi bżonn inkun naf dan kollu? Jien ma rridx noqgħod hawn. Ħadd ma jridni hawn! Ħa nitlaq u mmur l-Istati Uniti!”

Hamit ta’ 24 sena, li ħarab mill-Afghanistan wara li tilef lil martu u lil familtu fil-gwerra, jispjega kif diġà sab avukat. Hu qed jippjana li jfittex bil-qorti jekk jippruvaw ikeċċuh mill-pajjiż. Hu jgħid li lest li jagħmel minn kollox biex jaħrab mit-Taliban. “It-tama hi gidba,” isostni hu għal aktar minn darba. Il-għala jitgħallem? Hu se jkollu 27 sena fi żmien tliet snin. X’jista’ jibda f’dan il-punt? Jekk ma jirnexxilux ilesti l-edukazzjoni fil-ħin jew ikollu jitlaq qabel, l-isforzi kollha tiegħu jkunu għal xejn. Hu ma jara l-ebda prospetti għalih innifsu. “Għall-individwu li jkollu jirritorna lura lejn pajjiżu, din hija sitwazzjoni katastrofika. Imissulek qalbek kull darba, però d-deċiżjoni dwar min jista’ jibqa’ mhix f’idejna. Aħna nistgħu nittamaw biss li noffru lill-istudenti tagħna żmien sabiħ, karità umana, edukazzjoni, u forsi xi ftit tama,” ittemm billi tgħid is-Sinjura Maxim.

[crp]

Awtriċi

Marion Wießmann (Ġermanja)

Tistudja: Lingwa u Letteratura Ġermaniża

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, u Spanjol

L-Ewropa hija … interessanti

Illustrazzjonijiet

Luzie Gerb (Ġermanja)

Tistudja: L-Istorja tal-Arti, l-Arti u Studji Kumparativi Kulturali

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, Żvediż, Franċiż

L-Ewropa hija … mimlija postijiet maġiċi, nies interessanti u l-istejjer tagħhom.

Websajt: luzie-gerb.jimdo.com

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php