Esperjenza bħala au pair

Għandek 18, 25, jew anka 30 sena. Għandek ġenn biex tara d-dinja, biex ikollok esperjenza internazzjonali tħalli marka fuqek qabel tkompli b’ħajtek. U l-uniku kundizzjoni huwa l-prezz tal-avventura. Jekk ma’ dawn iżżid l-imħabba tiegħek għat-tfal, x’aktarx se tagħmel (jekk mhux diġà għamilt) bħal Esther, Heather, Janika jew Rode, u tmur taħdem bħala au pair f’pajjiż ieħor.

Din il-moda ġdida żviluppat minn żewġ ħtiġijiet: familji li jeħtieġu lil xi ħadd biex jieħu ħsieb it-tfal b’mod fiss u bi prezz raġjonevoli, u nies li jixtiequ jesperjenzaw kultura ġdida, bl-akkomodazzjoni nkluża. Aġenziji tal-au pairs u siti elettroniċi jassistu biex iqabblu lin-nies u jġibuhom f’kuntatt. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol, li huma rregolati minn liġijiet differenti skont il-pajjiż, jiġu nnegozzjati individwalment. “Kulma jkollok kuntratt bil-kliem, jien qatt ma ffirmajt karti,” spjegatilna Esther, li ħadmet bħala au pair fl-Irlanda fis-sajf tal-2011.”Minħabba f’hekk, l-aġenzija wissietni biex ma ninvolvix ruħi fix-xogħol tad-dar iktar milli jkun hemm bżonn. Inkella l-familja jispiċċaw jidrawk u int tispiċċa jkollok taħdem iktar milli tkun aċċettajt.”

Esther fil-kastell ta' Malahide’s, l-Irlanda

Esther fil-kastell ta’ Malahide’s, l-Irlanda

Għal ħafna, il-motivazzjoni ewlenija hija biex jieqfu sena mill-istudju, biex itejbu l-għarfien tal-lingwa tal-pajjiż jew biex jittardjaw kemm jista’ jkun dak il-mument fejn ikollhom jiddeċiedu x’se jagħmlu b’ħajjithom. Imma mill-idea għar-realtà ta’ rutina ta’ kuljum mat-tfal hemm qabża kbira, u mhux kulħadd maqtugħ għaliha. “Trid ħafna paċenzja u trid tkun ftit indipendenti għax meta tasal fil-pajjiż, għall-bidu ma tkun taf lil ħadd,” spjegatilna Janika, li wkoll kienet au pair fl-2011. Għal oħrajn, bħal Heather, li tħalli l-Istati Uniti għal sena kien ta’ benefiċċju għall-istudji tagħha fl-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal: “Meta tlaqt mill-pajjiż kelli mħabba kbira għall-kultura Ġermaniża u għarfien utli, minkejja li limitat, tal-lingwa.”

Heather f'Munich

Heather f’Munich

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ivarjaw minn familja għall-oħra, u hija d-deċiżjoni tal-au pair jekk taċċettahomx jew le. Rode, li ġiet taħdem fl-Ewropa mill-Brażil kellha esperjenzi differenti ħafna. “L-aħħar familja li kont magħhom għenuni u ssapportjawni b’kull mod possibbli. Kont qisni membru tal-familja. Mill-banda l-oħra, l-esperjenza mal-ewwel familja li kont magħhom ma kienet sabiħa xejn. Kienu jippretendu li nnaddaf warajhom u kienu jħallsu ċuċata.”

Rode fl-Irlanda

Rode fl-Irlanda

Minkejja x-xorti ta’ kulħadd, huwa komuni ferm li gruppi ta’ au pairs jingħaqdu flimkien meta joħorġu lit-tfal għal mixja jew sal-ġonna pubbliċi. Riżultat ta’ dan, ta’ spiss jaqsmu diversi ġrajjiet jew episodji ħelwin: “Il-ġenituri tat-tfal li kont nieħu ħsieb kienu jwiddbuhom biex jobduni, għax jien kont il-boss,” tiftakar Esther bid-daħka. “Darba minnhom waqt li konna fil-ġnien pubbliku, tifel minnhom għajjatli b’ismi u waqt li kont miexja lejh, tfaċċat mara u staqsietu, ‘Esther min hi?’ It-tifel sħun sħun weġibha, ‘il-boss.’ Wiċċi sar aħmar nar,” temmet.

Janika fuq l-Irdum ta' Moher, l-Irlanda

Janika fuq l-Irdum ta’ Moher, l-Irlanda

Għal nies bħal Heather, li tgħix ma’ familja kienet ta’sfida personali b’mod ieħor: “Jien kelli 23 sena u ma kinitx faċli li ninsa l-libertà li kont drajt biha minnħabba l-omm ospiti. Kont ili ftit snin li tlaqt mid-dar u kont drajt ngħix indipendenti minn ommi.” Minkejja l-fatt li ġieli kien hemm xi diżgwidi bejnha u l-omm, ir-relazzjoni tajba li kellha mat-tfal pattiet għal dak l-ostakolu. Mill-banda l-oħra, Rode enfasizzat l-aspett kulturali taż-żmien li għamlet fl-Ewropa: “Tgħallimt aktar dwar kultura ġdida u l-lingwa tagħha.”

Kif jistgħu jiġbru din l-esperjenza fi ftit kliem? “Kienet esperjenza tal-ġenn,” twieġeb b’mod sempliċi Janika. “Nista’ ngħid li għandi familja Irlandiża,” tkompli Rode. Kollha jaqblu li l-mumenti sbieħ jitfgħu l-mumenti inqas sbieħ, kemm f’sens professjonali, u kif ukoll personali. “Għenitni nikber. Skoprejt pajjiż mill-isbaħ li rrid nerġa’ inżur, u tejjibt l-Ingliż tiegħi,” spjegat Esther. Heather, mill-banda l-oħra għalqet billi qalet: “Kienet esperjenza ta’ darba f’għomri u minkejja l-frustrazzjoni, in-nuqqas li ħassejt għal pajjiżi u l-ideat żbaljati kulturali li kelli, tpatti għal kollox.”

[crp]

Awtriċi

Miriam Vázquez (Spanja)

Tistudja: Ġurnaliżmu u x-Xjenzi Politiċi u Amministrattivi

Lingwi: Spanjol, Katalan, Ingliż, Ġermaniż u xi Franċiż

L-Ewropa hija… post uniku fejn nies b’kulturi, lingwi u perspettivi differenti jgħixu flimkien.

Twitter: @mirabroad

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Bosanski - Hrvatski - Srpski, Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Português, Română and [Main Site].

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq