Inwettqu l-ħolm tagħna

Petros għandu 28 sena u huwa attur tat-teatru. Xi ftit tas-snin ilu, wara li ġab degree fil-Finanzi, sab ruħu f’dilemma: jew ifittex xogħol relatat mal-istudji tiegħu, jew jieħu t-triq xejn ċerta ta’ attur. Hu għażel din tal-aħħar. Aħna ltqajna miegħu biex niskopru xi jfisser li ssus wara l-ħolm tiegħek.

Petros kien ilu ffaxxinat bil-maġija tat-teatru minn meta kien għadu żgħir, imma kien biss fl-2008 li ddeċieda li jipprova jinvolvi ruħu fid-dinja tat-teatru. Minflok, hu kien tal-idea li għandna nistudjaw dak li jipprovdilna futur “aħjar”, irrispettivament minn jekk jogħġobniex jew le. Li jiżviluppa l-ħiliet tiegħu fil-matematika u l-ekonomija deherlu l-aħjar mod possibbli ta’ kif jista’ jikseb dan il-futur, allura għażel li jistudja biex iġib degree fil-Finanzi. Imma l-futur kemm jista’ jkun aħjar meta jkun mibni fuq il-biża’? “F’punt minnhom, bdejt nistaqsi lili nnifsi jekk ridtx nibqa’ nagħmel xi ħaġa li ma togħġobnix sa ma nagħlaq ħamsin jew sittin sena, biex naqla’ l-flus biss, jew jekk ridtx nagħmel xi ħaġa li ma tqallgħakx ħafna flus imma li vera tkun kuntent tagħmilha.”

20131019 Building our dreams 5 Petros

Il-ħajja għandha l-modi tagħha kif turina liem triq għandna nieħdu. Ħa l-ewwel passi fil-karriera tiegħu bħala attur meta kien għadu jistudja l-università biex jikseb id-degree fil-Finanzi. Ħa sehem f’kompetizzjoni tar-radju u rebaħ korsijiet b’xejn mal-Grupp ta’ Artisti, Ouga Clara, biex jirreċta fuq il-palk. Imma peress li ma riedx jattendi skola tad-drama, u peress li kien diġà wasal fl-aħħar sena tiegħu fl-università, Petros iddeċieda li aħjar ilesti l-istudji tiegħu biex ikollu degree, f’każ ta’ bżonn.

Iżda t-teatru għal Petros mhuwiex biss passatemp li eventwalment jieħu postu passatemp ieħor. Għalih, it-teatru huwa kważi ħtieġa bijoloġika; ħtieġa spiritwali u psikoloġika fejn jesperjenza “dik l-emozzjoni li tħoss meta tagħmel xi ħaġa li tagħtik sodisfazzjon, xi ħaġa li biha tħossok komplet. Din l-emozzjoni ma tistax issibha f’post ieħor. Ilni nħoss din l-emozzjoni mill-ewwel xow tagħna f’Ouga Clara, meta sibt ruħi għall-ewwel darba quddiem dawk in-nies kollha. Ħassejtha dik id-darba u għedt lili nnifsi li huwa dan li nixtieq nagħmel u se nagħmlu.”

20131019 Building our dreams 2 Petros

Fiż-żmien meta Petros kien wasal biex ilesti l-workshop tiegħu tat-teatru, familtu kienet taħseb li t-teatru kien biss passatemp tiegħu. Ma rrealizzawx l-importanza tiegħu f’ħajjet Petros: “Dejjem kienu jafu li t-teatru kien jaffaxxinani imma ħasbu li jien ma kontx nieħdu daqshekk bis-serjetà. Waqfu jaħsbu hekk imma, meta rawni għall-ewwel darba nirreċta fi dramm għat-tfal.” Kien f’dak il-mument li ndunaw x’kien qed ifittex Petros, u minn dakinhar ‘l hawn “appoġġjaw[h] u sabhom waraj[h] fir-reċtar. Jiġu jarawni f’kull xow li nieħu sehem fih”.

L-appoġġ psikoloġiku u r-rikonoxximent huma importanti ħafna għal Petros, speċjalment meta dawn jiġu mingħand il-familja u l-ħbieb għax ġieli “il-ħolm tagħna ma jiġix aċċettat minn kulħadd, u ħafna drabi, li tkun aċċettat minn dawk li huma qrib l-aktar tiegħek huwa ħafna aktar importanti. Kemm-il darba smajt lil sħabi jgergu għax ma niltaqgħux ta’ spiss. Imma ma nistax nagħmel mod ieħor.” Iżda sħabu jappoġġjawh xorta waħda u xi wħud minnhom jappoġġjawh b’mod fanatiku, bħal Nikos, li diġà mar jarah jirreċta fl-istess dramm disa’ darbiet: “Hija xi ħaġa li tispirak u temozzjonak fl-istess ħin li tara lil xi ħadd li taf, lil sieħbek jew lil xi ħadd tal-familja.”

20131019 Building our dreams 3 Petros

Illum, Petros issibu fit-teatru kull ġurnata tal-ġimgħa, il-ġurnata kollha, ħlief meta jkun rieqed. Imma anke f’dak il-ħin, moħħu jkun biss fil-passjoni tiegħu, ir-reċtar. Bħalissa, l-iskeda tiegħu, li qed timtela malajr ħafna, tinkludi dramm tat-tfal, li jieħu sehem fih matul il-ġimgħa, żewġ rappreżentazzjonijiet teatrali filgħaxija u workshops tat-teatru għat-tfal fi tliet postijiet differenti, inkluż f’post ‘il barra minn Tessaloniki: “Għaddej b’ritmu tal-imġienen, imma kuntent bid-deċiżjoni li ħadt li nagħmel xi ħaġa li nħobb. Ovvjament, xi drabi, meta l-affarijiet jsiru diffiċli immens, jiġuni d-dubji, imma dejjem ikun hemm dik ix-xi ħaġa fik li żżommok għaddej.”

Petros huwa konxju ħafna li m’għażilx it-triq il-faċli u li m’hemmx toroq qosra u devjazzjonijiet. Hemm biss triq waħda biex tiġri wara l-ħolm tiegħek u żgur mhix kollha ward u żahar: “Jien nemmen li biex tiġri wara l-ħolma tiegħek ta’ spiss ifisser li trid tieħu l-iktar triq diffiċli. Li tiġri wara l-ħolma tiegħek, tkun xi tkun, ifisser li trid tagħmel is-sagrifiċċji u tiltaqa’ mal-problemi. Jirrikjedi l-persistenza u ħafna xogħol. Jikkawża l-istress, jgħajjik u huwa frustranti ħafna imma fl-aħħar, ikun jaqbillek. Dik it-togħma ħelwa li jħallik biha fl-aħħar hija vallapena x-xogħol iebes kollu.”

20131019 Building our dreams 4 Petros

Imma xi ngħidu għall-mod t’għajxien? Għax minkejja kemm nobogħduhom, il-flus huma għodda ewlenija fis-soċjetà li ngħixu fiha. Jista’ Petros jiffinanzja ruħu mill-affarijiet kollha li jagħmel? “Diffiċli ngħid jekk naqlax biżżejjed flus minn dak li nagħmel. Li nista’ ngħid hu li s-sitwazzjoni qed titjieb kull sena u qed nagħmel iktar affarijiet. Aktar ma taħdem aktar ma tasal fil-punt li tgħid, ‘Owkej, nista’ ngħix b’dan l-ammont.’ Imma għadu kmieni wisq għalija biex ngħid jekk iniex qed naqla’ biżżejjed għall-għajxien. Għadni qed inġaħġaħha, kemm inkopri l-ħtiġijiet bażiċi tiegħi.”

Petros huwa impenjat bis-sħiħ lejn l-għan tiegħu u jiddedika sigħat sħaħ jaħdem fuq dak li jħobb. Min-naħa, dan jista’ jixxroblu ħinu kollu, bħal sponża, imma min-naħa l-oħra, dan l-għan tiegħu ġiegħlu jirrealizza u japprezza l-affarijiet sempliċi fil-ħajja. Affarijiet li ta’ spiss ma nagħtux kashom u li fl-aħħar mill-aħħar, huma l-muftieħ għall-kuntentizza. Għax għalih il-kuntentizza hija sempliċiment “li toħroġ ma’ sħabek, li tiegħi nimmissjahom ħafna minħabba l-iskeda mimlija tiegħi, jew li tkun ma’ familtek jew mal-għarusa tiegħek u li tqatta’ ħin flimkien. Għalija, il-kuntentizza hija moħbija fl-affarijiet iż-żgħar, fil-mumenti żgħar ta’ kuljum.”

20131019 Building our dreams 1 Petros

L-istorja ta’ Petros turi li jekk tistinka, il-bqija jiġi waħdu. U l-parir tiegħu għal min irid isegwi l-ħolma tiegħu huwa: “li tieħu l-ħolm waħda wara l-oħra. Se tiltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet u ostakoli. Hija deċiżjoni li għandek tadotta bis-sħiħ u li għandek taħdem għaliha b’ruħek u b’ġismek. Il-ħolma tirrikjedi l-fidi. Biex tilħaq punt li jagħtik s-sodisfazzjon trid tkun totalment iffukat fuq il-mira li għamilt għalik innifsek. Ikunu xi jkunu l-problemi li tiltaqa’ magħhom, trid dejjem tkun taf li se tiġġieled biex tirbaħhom. Se tgħejja u se tinfileġ imma kun af li eventwalment se tegħleb il-problemi u li se tkun tista’ tgħix l-ħajja li tixtieq.”

[crp]

Awtur

Yiorgos Toumanidis (Greċja)

Jistudja / Jaħdem: Studji tal-Kultura Ewropea, Teatru, Kitba tat-Teatru & Kitba Kreattiva

Lingwi: Grieg, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa hija: taħlita eċċellenti ta’ kulturi li għandha tiġi mħallta bil-mod it-tajjeb.

Twitter: @yiorgostouma

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Português, Română, [Main Site] and Ελληνικά.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

The cookie settings on this website are set to "allow cookies" to give you the best browsing experience possible. If you continue to use this website without changing your cookie settings or you click "Accept" below then you are consenting to this.

Close