Deportazzjoni Kulturali

Fl-2012, sebat iħbieb li ma jaqtgħux qalbhom faċilment, fetħu “negozju soċjali”, Culture Exchange, f’Novi Sad fit-tramuntana tas-Serbja, li jikkonsisti fl-hekk imsejħa kċina tar-roti u bar ċkejken. Anna, Suzzy, Lani, Danny, Mary, Pavel u Simon iqattgħu ħinhom jgħallmu lin-nies isewwu r-roti, kif ukoll jorganizzaw workshops u korsijiet lingwistiċi, u ħafna minn dan jagħmluh b’xejn.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-proġett iltaqa’ ma’ diversi diffikultajiet, li kien mistenni b’idea daqshekk ambizzjuża. Madankollu, diffikultà partikolari li ma stennewx li se jaffaċċjaw kienet dik tax-xnigħat foloz li saru dwarhom onlajn, u li setgħu wasslu biex l-applikazzjoni għall-viża ta’ Simon, il-fundatur tal-proġett, ma tiġix aċċettata għall-ewwel darba.

Simon huwa nofsu Amerikan u nofsu Filippin u għandu 32 sena. Beda jinteressa ruħu fil-Balkani meta ta’ 19-il sena, għamel xi xogħol umanitarju fil-Bożnja-Ħerżegovina fis-snin ta’ wara l-gwerra, u minn hawn kibritlu x-xewqa li jara pajjiżi eks-Jugoslavi oħra. Beda jivvjaġġa ma’ martu mill-Montenegro sal-Kroazja, u kien il-festival tal-mużika Exit li l-ewwel wasslu f’Novi Sad.

“Mill-ewwel għoġobni ħafna Novi Sad. L-ewwel li laqtuni kienu n-nies, kollox deher hekk, ġdid. Dan kien fiż-żmien ta’ wara l-gwerra u l-festival Exit kien verament xi ħaġa ġdida, kien hemm ħafna attiviżmu involut. Laqatni b’mod partikolari Novi Sad, u wara li kellimt xi nies tampari, ħassejna li kien hemm ħafna aktar xi jsir f’dal-post meta tikkumparah mal-Istati Uniti jew mal-Ewropa tal-Punent. Bdejna Blogg tal-WordPress, u kellna dil-idea li nagħmlu xi ħaġa mingħajr l-ebda sponser jew appoġġ minn organizzazzjonijiet oħrajn. Ridt nsib nies li jaqsmu l-istess ideat.

“Xtaqt insib bilanċ bejn ħidma soċjali u negozju. Huwa ċentru tal-komunità; huwa proġett kemm ta’ negozju, u kemm soċjali.”

“Qegħdin nippruvaw nipprovdu kollox f’post wieħed. Forsi l-idea hi xi ftit idealistika żżejjed, imma ridna li jkollna “kċina tar-roti” flimkien ma’ ħanut tar-roti. Dil-kċina għandha għodda li tista’ tintuża minn kulħadd. Ħafna nies għandhom l-għodda tagħhom biex isewwu r-roti, imma dejjem hemm dik l-għodda speċjali li l-maġġoranza tan-nies ma jkollhomx. Allura dak li jkun jista’ jiġi hawn, isewwi r-rota tiegħu b’xejn, u l-voluntiera tagħna juruh kif. In-nies jixtru l-partijiet li jkollhom bżonn, għalkemm xi wħud minnhom huma b’xejn. Il-parti tal-proġett li jipprovdilna l-flus huwa l-ħanut tar-roti, fejn nagħmlu r-roti tagħna, u l-bar tal-kafè fejn norganizzaw il-workshops,” qal Simon Wilson, hu u jibda l-istorja tiegħu.

Il-kunċett tiegħu ta’ organizzazzjoni li ma tipprovdikx b’riżorsi u li ma tistrieħx fuq l-għajnuna tal-gvern kien xi ħaġa għalkollox ġdida, peress li ideat bħal dawn normalment jiddependu minn fondi u organizzazzjonijiet. Madankollu, Simon jisħaq li hekk kif tgħallem mill-esperjenza tiegħu, għajnuna materjali minn organizzazzjonijiet differenti u mill-gvern normalment timbuttak lejn wisq burokrazija, u mbagħad il-proġett li xi darba kien twajjeb u prattiku, jibda jidher tajjeb fil-miktub biss.

“Meta ppruvajna nispjegaw lin-nies x’nagħmlu hawnhekk aħna, il-kunċett tagħna, kulħadd beda jaħseb, “tinstema’ idea tajba,” imma ħadd ma ħaseb li se naslu nwettquha – ħadd. Kulħadd kien sorpriż meta l-proġett beda miexi. Wara, sirna popolari mhux ħażin hawnhekk. Li kieku ma kellniex problemi bil-viżas u d-dokumenti, kollox kien ikun miexi ħarir. Konna se ningħaqdu mal-Belgrad, imma l-każ tal-viża tefagħna lura.

03

Ix-xewqa tagħhom li jagħmlu xi ħaġa pożittiva favur l-ambjent permezz ta’ riċiklar, u li jispiraw u jgħallmu lin-nies kienet pjuttost ġdida fi żmien meta kien hemm kriżi ta’ ideat. Dan wassal għall-ewwel interess fihom u f’dak li kienu qegħdin jagħmlu fis-Serbja. Meta saru magħrufa fil-belt, midja onlajn kemxejn suspettuża kitbet storja dwarhom, tisħaq li dal-grupp kien parti minn organizzazzjoni jisimha “Il-familja internazzjonali” li l-għan tagħhom kien li jimpjegaw nies ta’ età żgħira biex iwettqu l-aktar affarijiet strambi. B’hekk l-opinjoni ta’ nofs il-pubbliku dwarhom f’Novi Sad inbidlet, u għalkemm ħafna minnhom xorta għadhom iżuru ‘L-Iskambju Kulturali’ u jissapportjaw lit-tim, mhux kulħadd jagħmel hekk. Wara dan, Simon, u warajh, xi wħud minn sħabu, qalgħu aktar attenzjoni meta ma ġġedditilhomx il-viża biex ikunu jistgħu jibqgħu s-Serbja. Għalkemm Simon insista li kien irranġa biex iġedded il-viża qabel mingħajr problemi ta’ xejn, did-darba l-affarijiet ma mxewx mal-pjan.

Qablilhom, qegħdin jaħsbu ħafna minna? L-awtriċi ta’ dan l-artiklu xtaqet tkun taf x’kien dak li kien qiegħed jinkoraġġihom, f’daż-żmien ta’ kapitaliżmu brutali, biex jersqu mal-ġenb u jimxu lejn attiviżmu soċjali.

“Bil-progress kollu li għamilna fil-qasam tad-disinn u t-teknoloġija, kollox għandu jdum aktar – imma huwa l-oppost; għalhekk għandna problemi bl-ekonomija, naħlu daqshekk riżorsi u daqshekk enerġija.”

Il-kuraġġ li wrew u l-fatt li bnew negozju soċjali mingħajr investiment kbir ta’ flus (speċjalment fi żmien hekk perikoluż) kien att daqsxejn erojku min-naħa ta’ Simon u sħabu. U ma ninsewx il-fatt li ħarġu b’din l-idea fis-Serbja, pajjiż fejn l-akbar kwistjoni nazzjonali hi l-qgħad. Forsi dan il-fatt għalihom sewa ta’ motivazzjoni u ta’ messaġġ lill-qarrejja kollha li kollox hu possibbli, jekk tagħmel dak li temmen fih.

“Kien hemm mumenti diffiċli – tkun taf li għandek baġit daqshekk żgħir, u tkun trid toħloq dak it-tip ta’ stil ta’ ħajja u dak it-tip ta’ proġett, u mbagħad ikollok in-nies jargumentaw fuq hekk u hekk. Kellna raġel ieħor magħna, raġel tassew tal-ġenn, imma telaq l-Italja sena biss wara li bdejna. Hu raġel twajjeb imma dat-tip ta’ għajxien jitlob ħafna sagrifiċċju u jaf idejqek wara ftit.”

“Imma dan kien is-sabiħ ta’ dal-kunċett sa mill-bidu. Mhux kulħadd jara l-istampa sħiħa. Imma dawk li jarawha, jaraw problema kbira. Imma wieħed ma jridx jiffoka fuq dan. Jekk hemm tieqa mkissra fejn toqgħod, jew il-klassi li tattendi wara l-iskola m’għandhiex għalliema, jew il-bajja hi mimlija ħmieġ, fuq hekk trid tiffoka: trid tiffoka fuq dak li hemm eżatt ħdejk. Ma tistax tħares lejn dawn il-problemi mingħajr ma tistaqsi lilek innifsek qabel – xi problemi għandu pajjiżek stess? Hekk trid tagħmel: tħares lejn il-komunità tiegħek, lejn beltek, u tagħmel xi ħaġa pożittiva. Jiena għażilt lil Novi Sad bħala l-belt tiegħi, u nixtieq nagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal din il-komunità.”

“Kulħadd hu kapaċi jitkellem; għalhekk ridt nagħmel dal-proġett, biex ikun jista’ jitkellem għalih innifsu.”

U vera tkellem għalih stess. B’ħafna enerġija u mħabba miċ-ċittadini tagħha, il-belt ta’ Novi Sad sar għandha post awtentiku fejn kulħadd iħossu milqugħ, mhux dilettanti tar-roti biss, u fejn kulħadd jista’ jitgħallem xi ħaġa ġdida, jew tal-anqas jista’ jagħmilha ma’ kumpanija tajba. U din kienet biss bħal preparazzjoni għal xi ħaġa akbar li kienet qiegħda tberren f’imħuħ Simon u sħabu.

“Dejjem se jkun hemm nies li jilħqilhom moħħhom, li jifhmu l-affarijiet sa mill-bidu nett, imma hemm ħafna nies innoċenti wkoll, li jaraw it-televixins tagħhom, jaqraw il-gazzetti tagħhom, u jirċievu biss din l-informazzjoni, u jistrieħu fuqha,” l-attur Rade Serbedzija (gazzetti NIN)

Dan kien kumment li jiddeskrivi l-injoranza umana mill-aktar eks-attur popolari Jugoslav, Rade Šerbedžija, meta ġurnalist staqsieh kif ħassu waqt il-gwerra li qasmet lil pajjiżu, u wara li ma baqax milqugħ f’artu stess. Imma dal-kliem jista’ japplika għas-sitwazzjoni ta’ Simon ukoll. Regoli li saru minn dawk li għandhom jaħdmu għaċ-ċittadini tagħhom stess, ħafna drabi jmorru kontra idea ġdida ta’ xi ħadd u l-kreattività tiegħu, u l-“kaċċaturi tas-sħaħar” li semma Šerbedžija, jerġgħu ma jgħaddux mill-eżami.

“Ma naħsibx li s-Serbja hi l-problema, imma hija kwistjoni tad-Dinja. Id-dinja llum il-ġurnata hija materjalistika u baxxa ħafna. Nittama li dan għad jinbidel, u li d-dinja timxi aktar lejn l-attiviżmu u aktar kwistjonijiet importanti. Wara l-injoranza u l-mibegħda, jiġu żminijiet ta’ tolleranza u ftehim; hi r-responsabbiltà tiegħek li tbiddel iċ-ċirkustanzi. Naħseb li dejjem hekk għad imorru l-affarijiet, irrelevanti minn liema pajjiż u liema sistema tappartjeni minnha.”

Fiż-żmien li ttieħed biex jiġi ppubblikat dan l-artiklu, Simon u familtu laħqu marru jgħixu fi Graz, fejn qegħdin jippjanaw li jespandu l-proġett tagħhom. Waħda mill-fundaturi tal-“Iskambju Kulturali”, Anna, għadha qiegħda tmexxi l-proġett f’Novi Sad. L-awtriċi ta’ dan it-test diġà semgħet bi proġett simili għall-“Kċina tar-Roti” fi Spanja u fil-Portugall. Huwa tagħna l-futur, jew se niġġustifikaw it-twemmin ta’ xi teoristi li l-“ġenerazzjoni Y”, li trabbiet tara t-teknoloġija tikber u tavvanza u li kellha din il-faċiltà għall-informazzjoni u l-għerf, ma użatx din l-opportunità u ma rnexxilhiex ittejjeb id-dinja tagħna?

[crp]

Awtriċi

Tamara Bilbija (Serbja)

Tistudja/taħdem: il-ġurnaliżmu

Lingwi: Serbjan, Ingliż, Portugiż, Spanjol

L-Ewropa hi.. reġjun b’kultura għanja, bi storja u tradizzjoni. Hija simili tal-paella Spanjola: taħlita ta’ naqra minn kollox, b’riżultat pjaċevoli u sodisfaċenti.

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Bosanski - Hrvatski - Srpski, Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Português, Română and Türkçe.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php