Irina fid-Dinja

Irina hija mara żagħżugħa mir-Rumanija b’ruħ ta’ vjaġġatur fiha. Twieldet u trabbiet f’Bucharest u ilha tivvjaġġa minn meta kellha 9 snin. Ilha tkanta f’kor għal dawn l-aħħar 20 sena u ħafna mill-ewwel vjaġġi tagħha saru meta kienet fil-grupp.

Meta staqsejtha l-għala qed tivvjaġġa, Irina rrispondiet: “Bdejt nivvjaġġa għall-gost imma, biex ngħid kollox, wara 20 sena kultant bdejt nisma’ vuċi tgħidli biex nimraħ ’il barra mill-pajjiż. Il-vuċi hija bħal arloġġ intern li jkun qed idoqq biex jgħidli biex nara kulturi differenti, u affarijiet u nies ġodda. Xi drabi nippreferi lil barranin milli r-Rumeni u meta nkun qed nivvjaġġa nħoss li għad tasal il-ġurnata fejn inqum f’post ġdid fejn lanqas biss nifhem kelma waħda tal-lingwa tal-post fejn inkun qiegħda.”
“U għala tippreferi ’l-barranin aktar mir-Rumeni?” staqsejtha. Għandi kurżità biex insir naf peress li ġejt noqgħod ir-Rumanija sentejn ilu u diġà nħossni f’dari f’dan il-pajjiż. “Ħeqq, għax tmur post ieħor u t-toroq huma iktar nodfa, in-nies mhumiex daqshekk qalbhom sewda; is-sema mhix bħas-sema fir-Rumanija. Meta nivvjaġġa bl-ajruplan, malajr inkun nista’ ngħid meta nkunu qed intiru minn fuq ir-Rumanija: is-sema hawn hija griża u mimlija trab, dejjem imsaħħab. Pereżempju, meta mort il-Ġappun stajt nara il-forom kollha tal-art taħti.”

Irina

Irina

Irina marret l-Isvizzera, Franza, il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Isvezzja, il-Greċja, u l-Istati Uniti; żaret l-Italja u Sardenja u anke marret il-Ġappun. “Kienet esperjenza tal-ġenn. Użajt flus li kont ġbart minn qabel jew ħdimt fil-postijiet li żort: pereżempju, meta kont il-Greċja, fuq il-gżira ta’ Rodi, ħdimt għal tliet xhur bħala fotografu. Dan ix-xogħol kien is-sors ewlieni finanzjarju tiegħi biex inkun nista’ mmur backpacking fl-Ewropa għal tliet xhur.”
L-ivvjaġġar tagħha ma qajjimx xi oġġezzjonijiet qawwijin: fl-2010 ommha litteralment werżqet bil-ferħ meta ħabbret lil ommha u lil missierha li kienet se tmur tgħix il-Greċja għal ftit żmien. “Missieri ma tantx jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu, allura, jiddispjaċini ngħid li ma tantx naf kif ħassu dwar dan.” Imma f’kull każ, Irina kienet toqgħod attenta “Ma kontx naċċetta lifts b’xejn ma’ nies ma nafhomx u ma kontx nagħmel attivitajiet estremi.”

 Irina tippakkja.

Irina tippakkja.

X’jogħġobha l-iktar meta tkun f’pajjiż ieħor? “Il-mixi, li nintilef fil-qalba ta’ belt, li ngawdi x-xenarju ta’ madwari, li nesplora u li nħoss il-post li nkun qiegħda fih… u l-ħwienet tal-kafè sbieħ!” tgħidli, u tkompli titkellem dwar il-postijiet favoriti tagħha: Budapest, Pariġi u Praga, il-ġnien ta’ Buddha fil-Ġappun u Berggarten, il-ġnien botaniku mimli orkidej f’Hannover fil-Ġermanja. Il-familji li ospitawha, familja Rumena tgħix fi Brussell u familja Svediża tgħix fi Stokkolma, kienu jogħġbuha ħafna minħabba l-mod t’għajxien u l-ospitalità tagħhom. Mhix se tinsa’ l-familja Amerikana li ltaqgħet magħha f’Salt Lake City. L-Iżvezzja għoġbitha ħafna u bi tbissima tgħidilna: “It-temp biered kien, imma n-nies xejn affattu”.
Irina anke għandha xi pariri għal min jivjaġġa: L-ewwelnett, għandhom ikunu jafu l-limiti tagħhom. “Persuna li tivvjaġġa għandha tkun konxja ta’ kif tippreferi tivvjaġġa. Għandhom ikollhom ukoll ħabib jew ħabiba ma’ min jivvjaġġaw, jew inkella fil-post fejn ikunu sejrin. Ħabib huwa destinazzjoni; iservi ta’ ankra.” Hija tal-idea li kull wieħed u waħda minnha jkollna stennijiet qabel kull vjaġġ, imma għandna nagħrfu jekk jistgħux jitwettqu.

Iż-żraben.

Iż-żraben.

“U issa rrid nitlaq ħalli nibda nippjana l-vjaġġ li jmiss”, qaltilna b’leħen bilkemm jinstema’ filwaqt li qamet biex titlaq. Xi ħaġa interessanti ħafna peress li l-iktar vjaġġ affaxxinanti tagħha kien l-iktar vjaġġ riċenti tagħha fit-Transilvanja, fejn iddeċidiet li tmur toqgħod wara li żaret il-post.

[crp]

Awtriċi

Anastasia Karouti (Greċja)

Tistudja / Taħdem: Il-Lingwa u l-Letteratura Ingliża, l-Istudji tat-Traduzzjoni/ Għalliema, Ħarrieġa, Traduttriċi, Pittriċi

Lingwi: Grieg, Ingliż, Rumen

L-Ewropa hija… l-bejta tiegħi, il-punt tat-tluq tiegħi, il-post fejn nista’ nuri l-potenzjal tiegħi, l-Akropolis u d-dawl divin tat-Transilvanja.

Blog: caramelisedfruits.tumblr.com

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php