Mill-Polonja għall-Malasja bi tbissima u saba’ kbir

Karol Zientek huwa ġurnalist żagħżugħ Pollakk li darba pponta lejn is-Singapor fuq mappa u ddeċieda li kien bogħod biżżejjed biex imur hitchhiking. Id-deċiżjoni tiegħu wasslitu għal 10 xhur ta’ vvjaġġar mingħajr qatt ma kellu bżonn iħallas, u ħafna, ħafna stejjer li ma jintesewx. Beda jikteb blogg biex jagħti pariri lin-nies dwar l-ivvjaġġar irħis, u biex jaqsam l-esperjenzi tiegħu.

Basket wieħed, tlitt iħbieb, 6 xhur li jinbidlu f’10, kważi tliet mitt lejl u għaxra li ma ħallasx għall-akkommodazzjoni, b’2500 ewro biss f’butu u b’entużjażmu u tbissim biżżejjed biex imur hitchhiking għal tnax-il elf kilometru… u lura! Dik hi l-istorja ta’ Karol Zientek, ġuvnott Pollakk li ried jagħmel xi ħaġa kbira, imma ma kienx jaf xiex. Kien se jiggradwa bħala ġurnalist, u sakemm kien qiegħed jispiċċa l-internship fi Franza, ħares lejn il-mappa, ipponta lejn is-Singapor u ħaseb li hu bogħod biżżejjed biex imur. Iddeċieda li jkompli jaħdem bħala intern għal ftit żmien, sakemm iġemma’ ftit flus, u mbagħad jibda l-vjaġġ tiegħu malajr kemm jista’ jkun. “Hi daqshekk faċli; meta tkun trid tagħmilha, m’għandekx għalfejn toqgħod taħsibha wisq,” qal hu permezz ta’ Skype mill-Ingilterra, fejn għadu kif beda degree tal-Masters fir-Relazzjonijiet Internazzjonali.

Karol Zientek, hitchhiking outside Bangkok

Karol Zientek, jagħmel hitchhiking barra minn Bangkok. Jolly Wandered ©

Għandek bżonn tippjana xi affarijiet imma żomm f’moħħok li dejjem se jinbidlu.

Inizjalment, l-idea kienet li jivvjaġġa waħdu waqt li jagħmel xi proġetti ġurnalistiċi, imma spiċċaw ingħaqdu miegħu żewġt iħbieb tiegħu, u fittxew lil xi ħadd ieħor sabiex ikunu jistgħu jinqasmu pari huma u jivvjaġġaw. “Bdejna nidhru qisna l-kru tal-Lord of the Rings,” jidħak Karol. Hu kkrea s-sit Jolly Wandered ma’ sieħbu Mateusz, blogg fejn jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u pariri biex tivvjaġġa rħis., u ġimagħtejn biss wara li wasal il-Polonja, bdew il-vjaġġ tagħhom. “Familti qaltli li jien miġnun, imma jafu jien kif jien, allura kellhom jaċċettawha,” jiftakar hu. Xtaqu jaslu l-Varsavja fil-Polonja għas-Singapor fil-Malasja f’6 xhur, imma spiċċaw damu 10 minflok. “Li tmur hitchhiking hu l-aktar mod ta’ trasport imprevedibbli, allura ma stajniex nagħmlu pjan fiss. Tkun taf li l-affarijiet se jinbidlu kompletament,” jispjega. Meta mistoqsi dwar l-ippjanar, irrepeta, “Trid iżżomm din l-imprevedibbiltà f’moħħok u tkun taf minn qabel fejn għandek iġġib il-viża għal kull pajjiż.” “Trid iżżur bliet speċifiċi biex timla l-formoli. Meta tlaqna mill-Polonja kellna biss viża waħda għall-Indja. Allura bdejna niddependu fuq liem viżas se jirnexxilna nakkwistaw, u liema le. Trid tieħu ħinek.”
Il-viżas kien proprju r-raġuni għaliex kellhom jużaw l-ajruplan xi drabi, għalkemm dan ma kinux ikkunsidrawh fil-pjanijiet tagħhom. “Dakinhar li applikajna għall-viża għall-Pakistan, żewġt ibniet mir-Repubblika Ċeka nħatfu minn mal-fruntiera, allura kellna naqbdu l-ajruplan minn Teheran għall-Emirati Għarab Magħquda, u mbagħad għall-Indja. Imbagħad, it-tieni darba, kellna naqbdu ajruplan għat-Tajlandja għax il-fruntiera tal-Myanmar kienet magħluqa. Jiġifieri, eħe, il-pjanijiet dejjem jinbidlu.”

Map of the route

Mappa tar-rotta li għamlu għas-sit tagħhom. Jolly Wandered©

Għalhekk, kif jaraha hu, għandek tivvjaġġa mingħajr ma tistenna xejn, għax qatt ma taf x’hemm jistenniek wara l-kantuniera, u għandek tkun preparat għal dak li mhux mistenni. B’din l-attitudni, mhix sorpriża li l-vjaġġ kollu kien esperjenza liema bħalha għalih. Meta mistoqsi x’kien l-aqwa mument ta’ dan il-vjaġġ, ma jistax jaħseb fi tweġiba. “L-aqwa mument? Impossibli.” Minflok, jibda jirrakkonta stejjer twal u tal-ġenn: kif saru immigranti illegali fit-Turkija bla ma indunaw, kif kien patri għal ġurnata, kemm-il darba kważi ġew iddeportati, kif irnexxielu jidħol f’bażi militari Russa, u anke kif qal “Fuck you” lill-ambaxxatur Persjan mingħajr ma induna (li toħroġ s-s-saba’ l-kbir fl-Iran tfisser xi ħaġa vera differenti!). Huwa u jivvjaġġa lura lejn l-Ewropa waħdu (għax sħabu ddeċiedew li jaqbdu l-ferrovija) spiċċa f’karozza mimlija rġiel Russi fis-sakra, u tebut fis-sit ta’ wara! “Kien kważi nofsillejl, kont f’nofs is-Siberja nipprova nasal xi mkien aktar sħun, kull xufier li waqaf kien fis-sakra u ma’ xi l-għaxar karozza għidt, ikun min ikun, miegħu mmur. Kont ftit beżgħan, iva, imma fl-aħħar sirt naf li l-persuna fit-tebut kienet missier wieħed mir-Russi u spiċċajt il-lejl fis-sakra daqshom, jiġifieri kienet esperjenza daqshekk stramba!” jikkjarifika hu, hu u jippronunzja xi kliem Russi li tgħallem, kollu eċċitat.

Nagħti ħafna pariri kieku, imma l-aktar importanti hu: tbissem.

Naturalment, l-Ingliż biss mhuwiex biżżejjed biex taqsam l-Asja. “Fl-Iran kellna nitkellmu bil-Persjan. Tgħallimna 100 kelma, għalkemm insejt kollox issa!”-Jidħak-“Imma qattajna 5 ġimgħat hemm u wara stajt nifhem xi affarijiet. L-Ingliż hu utli fil-bliet imma f’pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Vjetnam jew l-Indonesja… insieha. Il-Franċiż kien utli fil-Kambodja, f’Laos u fil-Vjetnam, għax kienu kolonji, u għaċ-Ċina, nitkellem Ċiniż kemm insalva, allura rranġajna,” jispjega Karol fid-dettall.

The team in Vietnam.

It-tim fil-Vjetnam. Jolly Wandered©

Madankollu, meta mistoqsi għal parir, jgħid li l-għarfien ta’ lingwa oħra mhux l-aktar ħaġa importanti. Minflok, hu jirrakkommanda li titbissem ħafna. “F’kull kultura hemm ġesti differenti li huma interpretati b’modi differenti, imma tbissima dejjem tibqa’ l-istess; hi l-enerġija pożittiva, li titbissem lin-nies hu vera importanti. U pprova agħmel dak li ħaddieħor jgħid li hu impossibbli.”
Dak hu sentiment li għandhom ħafna nies li jħobbu jivvjaġġaw, imma mhux kulħadd iħossu komdu jesponi lilu nnifsu b’dak il-mod; jibżgħu mill-perikli, li ovvjament jeżistu aktar għan-nisa. It-twegiba ta’ Karol hi sinċiera: “Ma kontx nagħmel dal-vjaġġ waħdi li kieku kont mara. Konna qegħdin nivvjaġġaw ma’ ħabiba tagħna u kont magħha l-ħin kollu. Tista’ tkun diffiċli għan-nisa speċjalment fir-Russja u f’pajjiżi Musulmani. Bdejt ngħid lil kulħadd li hi marti jew oħti u ma kellniex problemi. Le, ma naħsibx li għandek tagħmilha waħdek, imma dan ma jfissirx li hemm għalfejn titlifha. Hija esperjenza inkredibbli.”

about to cross the Ecuador Meridian.

Karol, Dorota, Mateusz u Bartek jivvjaġġaw flimkien mill-Varsavja sas-Singapor. Fir-ritratt kienu t-Tajlandja, qabel qasmu l-Meridjan. Jolly Wandered©

Fil-fatt, jammetti li dal-10 xhur ta’ vvjaġġar biddlulu ħajtu għalkollox. “Kellimt lil tant nies, tant nies għenuni… lanqas biss staqsejna għall-għajnuna, qatt ma staqsejna għal flus jew ikel, għat-trasport biss staqsejna imma kulħadd beda jgħinna! Tkun fl-Indja jew f’Laos, ma’ nies li ma tantx għandhom, u jagħtuk tant affarijiet.” Tgħallem ikun aktar tolleranti u moħħu miftuħ, u biex jafda lin-nies u l-intenzjonijiet tagħhom. Benefiċċju kbir tal-vjaġġ? M’għadux jibża’ li jiġi rrifjutat. “Ovvjament ħafna nies jgħinuk imma oħrajn le. Allura trid titgħallem li dan se jiġri, u tneħħi l-biża’ mit-tweġibiet negattivi.”
Imma meta tafda lin-nies, ma tiġġudikahomx, u titbissem, jgħid hu, dil-fiduċja tingħatalek lura. “Dejjem irqadna man-nies tal-lokal jew fit-tempji, lanqas darba ma ħallasna għall-akkommodazzjoni.” Ħafna drabi, irnexxielhom jagħmlu dan permezz ta’ siti bħal Couchsurfing u Hospitality Club, u drabi oħra billi staqsew lin-nies jew ħabbtu l-bibien jekk kien il-bard. “It-tempji kienu għażla tajba wkoll, kienu b’xejn u verament sbieħ!” jiftakar.

teaching English and Geography in a monastery in Mandalay, Myanmar.

Karol u Dorota jgħallmu l-Ingliż u l-Ġografija f’monasteru f’Mandalay, fil-Myanmar. Jolly Wandered©

Biex tagħmel hekk trid tkun preparat li tinteraġixxi man-nies tal-lokal, tirrispettahom u titħallat magħhom, li jinkludi li tiekol dak kollu li jidher qisu ikel (jew le, skont il-każ!). “L-aktar affarijiet strambi li kilna kienu ħafna qishom insetti, ħamsters fil-Mongolja, fil-Vjetnam papri żgħar moqlijin, li kienu papri ġol-bajd imma li ma kinux kibru kompletament… Xrobna wkoll ħalib taż-żwiemel u kilna ras ta’ mogħża,” jgħid Karol bil-mod.
Qed taqagħlu l-batterija.

– Tibżax Karol, mistoqsija tal-aħħar. Wara dawk l-esperjenzi kollha, taħseb li qatt tista’ tieqaf tivvjaġġa għal tul ta’ żmien?
– Le, qatt. Tibdiex tivvjaġġa għax qatt ma tkun tista’ tieqaf. Dak hu n-negattiv tiegħu s-safar. Meta terġa’ lura d-dar tibda taħseb li vera ma tmurx mal-post, li nbdilt… Din hi n-naħa l-oħra tal-munita. Trid terġa’ ssib postok u dan hu s-safar, nissoponi.

Dal-ħsieb finali jfakkarni fil-ġurnalist Amerikan John Dos Passos, li darba kiteb: “Bħal kull droga, is-safar jitlob żieda mdaqqsa fid-doża.”

Karol and a girl from New Zealand who joined them for a couple of days.

Karol u tfajla min-New Zealand li ngħaqdet magħhom għal jumejn. Jolly Wandered©

[crp]

Awtriċi

Mónica García Sanchis (Spanja)

Lingwi: Spanjol, Ingliż, Katalan u Franċiż bażiku

L-Ewropa hi… Kontinent mimli diversità, kulturi u nies li rrid niltaqa’ magħhom fil-profond. Huwa l-post li twelidt fih u għalhekk l-aktar li nikkritika. Neħtieġu li nbiddlu ħafna affarijiet biex nagħmlu xi ħaġa aħjar.

Blogg: www.creillaquereguilla.wordpress.com

Twitter: @moniconlimon

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php