“Iż-żgħożija hi bħad-djamanti fix-xemx u d-djamanti huma għal dejjem” huma l-kliem tad-diska ta’ Alphaville Forever Young. Tfajla mill-Balkani tiddi bħad-djamant anki meta ħafna drabi tkun imdawra bil-ġebel. Tirrifjuta li tintegra. Hija hi nnifisha. Iltaqgħu ma’ Andrea Petrović, il-pittriċi, il-mużiċista, l-artista.
tIt-tfajla familjari
Bħalissa, is-Serbja hi waħda mill-pajjiżi bl-ikbar “brain drain” fid-dinja. Dan ifisser li bosta żgħażagħ qegħdin jitilqu minn pajjiżhom stess għax ma jarawx opportunitajiet jew spazju fejn itejbu lilhom infushom, u – fil-qasir – ma jarawx futurhom hemm. Dawk li jibqgħu jkollhom biċċa xogħol importanti u mhux dejjem faċli – li jiffurmaw l-identità tagħhom, jibqgħu huma nnifishom u jżommu l-awtentiċità tagħhom, u mbagħad li jirnexxielhom jgħixu hemm. Dan jidher faċli imma mhux dejjem ikun hekk. Andrea Petrović, studenta ta’ 23 sena gradwata fil-pittura ma tixtieqx taqta’ qalbha milli tħares lejn il-ħajja mil-lenti ta’ lewn roża li għamlet għaliha nnifisha:
“Jien mimlija saħħa, rieda u entużjażmu. Dejjem nipprova nesplora dak li ma nafx fis-suġġetti li jinteressawni u nimbotta lili nnifsi altru mil-limitu, għaliex meta nkunu fl-għalqa ta’ dak li ma nafux, nitilfu s-sigurtà, imma mbagħad tibda tħoss is-sensazzjoni tal-iskoperta,” tgħid Andrea fil-bidu tal-konverżazzjoni tagħna, u żżid li ħajjitha, kif esperjenzatha hi, hija vjaġġ tal-għaġeb. Fl-istess ħin, Andrea hi konxja ħafna fuq l-inċertezzi tal-futur t’artist: “Kienet l-għażla tiegħi,” iżżid. “Minkejja li l-artisti mhumiex rispettati biżżejjed f’pajjiżna, qatt ma kelli dubju fuq x’ridt insir. Skoprejt it-talenti tiegħi (fosthom il-pittura) t’età żgħira, u ħallejthom imexxuni fi tfuliti u għadni nħallihom imexxuni, illum f’ħajti.”
L-ewwel waqfa
“Il-kant kien l-ewwel waqfa għalija – waħda li għażilt jien stess. Spiċċajt l-iskola primarja tal-mużika, kont indoqq il-vjolin u mbagħad irreġistrajt għall-klassijiet tal-kant għax ridt niżviluppa f’din id-direzzjoni u nakkwista kemm jista’ jkun esperjenza sabiex inkun nista’ nesprimi lili nnifsi aħjar u b’mod iktar ċar.” Andrea diġà magħrufa ma’udjenzi tal-lokal li jilqgħu l-preżentazzjonijiet tagħha fi klabbs b’entużjażmu. “Jien inkanta fi ftit bands. Fuq il-palk m’għandix personalità sekondarja. Kull meta nkanta nkun jiena nnifsi. Nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi bl-iktar mod sinċier u qiegħda nfittex li naqsmahom mal-udjenza”.
Id-dinja maġika tal-pittura
Il-bżonn t’Andrea li tesprimi ruħha b’diversi modi wassalha għall-waqfa li jmiss: baħħret lejn id-dinja maġika tal-pittura. “L-ewwel, ftit snin ilu, lestejt l-iskola sekondarja fl-arti u d-disinn, u issa ggradwajt mill-Iskola tal-Pittura fl-Akkademja Nazzjonali tal-Arti f’Novi Sad”. L-attenzjoni speċjali mill-ħbieb u dawk li jsegwuha wasslu għall-serje ta’ ritratti li t-tema dominanti fihom huma ċ-ċrieki. Andrea tispjega: “Jien bdejt din is-serje lejn l-aħħar tal-istudji bażiċi tiegħi tal-pittura. L-interess tiegħi fiċ-ċrieki ġej minn xewqti li nesplora l-iżvilupp ġewwieni tal-bniedem u xewqtu li jistabilixxi armonija u jsib il-paċi ġewwiena. Jissimbolizzaw ukoll il-konnessjoni mal-ispiritwalità, kif ukoll l-iskoperta tal-ġeometrija li hi assoċjata mill-qrib mal-ispiritwalità.”
Twaħħida ta’ sbuħija spiritwali u fiżika
“L-għan tiegħi hu li nsir naf lili nnifsi permezz ta’ forom ta’ arti differenti, bħall-pittura, il-kant u l-preżentazzjoni, u meta nsib it-truf li jgħaqqduhom flimkien, inkun sibt il-veru jien,” tgħid Andrea. Hi waħda mit-tfajliet li waqqfet it-Teatru Libero f’Novi Sad. Permezz ta’ dan it-teatru hi trid tiżviluppa l-arti tal-preżentazzjoni. “Il-missjoni tiegħi f’ħajti hi li nasal f’punt meta ismi jkun assoċjat ma’ kwalità mill-aħjar. Irrid inkun kapaċi ngħix minn fuq l-affarijiet li nħobb nagħmel,” tgħid Andrea. Il-faxxini spiritwali kif ukoll fiżiċi tagħha ġibdu l-attenzjoni ta’ bosta fotografi u disinjaturi, li ta’ spiss jistidnuha għall-avvenimenti differenti sabiex ikollhom isimhom assoċjat ma’ din is-sbuħija minn Novi Sad.
Il-persistenza dejjem twassal għal-linja finali
Bla dubju, Andrea tgħix għall-arti. Il-problema, naturalment, hi biex taqla’ l-għixien minnha. Xi ħadd li għandu 23 sena, għandu lawrja fil-pittura, hu famuż għall-mużika tiegħu, li l-preżentazzjonijiet tiegħu jiġbdu aktar nies milli jifilħu l-klabbs, li ta’ età żgħir waqqaf kumpanija teatrali – dak ix-xi ħadd qiegħed f’mogħdija inċerta ħafna flimkien mal-futur tal-kultura u l-arti fis-Serbja bħala sħiħ. Andrea u l-kollegi tagħha, il-bands u l-kantanti solisti qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħmlu Novi Sad post isbaħ fejn tista’ tqatta’ ftit ħin ta’ kwalità mimli pjaċir. Il-klabbs f’Novi Sad spissikunu mimlija bin-nies u l-belt tagħna hi daqstant magħrufa li toffri avvenimenti tajbin li jagħmlu dil-belt ħajja matul il-ġranet u l-iljieli. Imma xi kultant, il-flus li taqla’ Andrea mill-kant mhumiex biżżejjed biex ikopru għall-bżonnijiet tagħha. Normalment ikunu biżżejjed biss għall-gwaddarobba u l-aċċessorji tagħha li tkun se tuża biex tagħmel il-preżentazzjoni li jmiss l-aħjar possibbli. Minkejja dan, mhuwiex ostaklu għaliha: “L-istat tal-kultura fis-Serbja jipprepara lin-nies biex jiġġieldu għas-sopravivenza. Hemm konfini x’jitkissru, imma jekk tikkontrolla l-pressjoni, tista’ tiftaħ il-mogħdija għal għarfien ġdid. L-opportunitajiet għas-suċċess mhumiex l-istess bħal fl-Unjoni Ewropea, imma jekk tkun konsistenti, diliġenti u żżomm fit-triq it-tajba, xorta tista’ tilħaq l-għan tiegħek,” tgħid Andrea.
“Dażgur li kelli l-mumenti fejn kont niskanta fejn dan kollu għad joħodni u x’għandi nistenna, imma anki meta kont konxja li kont miexja f’mogħdijiet li ma nafhomx u li kont qed nafda d-destin tiegħi fis-Serbja għal imħabbti lejn l-arti, ma kontx nagħti wisq kas jew naħseb wisq fuqha. Niffaċja ostakli li ħaddieħor jista’ jarahom bħala terribbli, imma għal xi raġuni mhumiex orribbli għalija. Ikkonvinċejt lili nnifsi li l-ostakli m’huma terribbli xejn. Sempliċiment, huwa jien u l-mod ta’ ħajja li għażilt għalija nnifsi,” tgħid Andrea. Fil-ġranet bikrin li bdiet tiskopri l-personalità tagħha u tiżviluppa l-ispirtu tagħha, kellha problemi biex tinftiehem minn dawk li tħobb.
“Dażgur ommi u missieri kienu nkwetati, u naħseb għall-bidu lanqas biss fehmuni. Li tgħix billi tipprattika l-arti hi, għal ħafna, għażla riskjuża mmens, imma jien ridt nagħmel dak li verament inħobb. Nemmen li nista’ nagħmel l-arti u nkun nista’ ngħix tajjeb ukoll. Fi kliem sempliċi, din hija jien u l-mod ta’ ħajti”.
Andrea wirtet it-talent tagħha tal-pittura minn missierha li, minkejja obbligazzjonijiet oħrajn, għadu jsib il-ħin biex joħloq tpinġijiet sbieħ li jżejnu darhom. Il-ħitan tal-familja Petrović huma mżejnin ukoll bi ftit xogħlijiet ta’ Andrea. Xi darba, it-tpinġijiet tagħha se jaraw ħitan ta’ ħaddieħor. Forsi mhux it-tpinġijiet li tagħmel issa, imma oħrajn żgur. Xi kultant aħjar meta jkollok tiffaċċja x-xewk biex tasal għall-warda. Fi triqtek tista’ tikseb esperjenza li tibqa’ miegħek fil-futur.
U Andrea? Dal-aħħar ċemplitli biex tgħidli li saqet rota għal 75 kilometru (minn Novi Sad għal Belgrad) mingħajr waqfiet. Saqsejtha: “Imma Andrea…. kif?” Ilni nafha għal 15-il sena u qatt ma rajtha ssuq rota. “Ħeq, faċli,” qalet, tidħak. “Kemm issuq u wara ftit, anki meta tkun għajjiena, ma tibqax tħoss l-uġigħ. Tibqa’ għaddej.” Din hi Andrea Petrović.
[crp]
L-Aħħar Kummenti