Lejl fil-mużewijiet – Impressjonijiet tal-Ewropej

Min qatt ma ħolom li jqatta’ lejl f’mużew? Tixtieq tkun taf kif il-pitturi, ix-xogħlijiet tal-arti u l-iskulturi jidru taħt id-dawl tal-qamar? Is-Sibt 17 ta’ Mejju, waqt il-lejl Ewropew tal-mużewijiet, il-grupp kulturali ta’ Meeting Halfway ħa ħsieb jagħmel dan għalik. Ma żarx kull mużew mill-eluf ta’ mużewijiet li ħadu sehem, imma mill-Greċja sas-Siberja, minn Spanja sal-Ungerija, ejjew naraw x’żaru!

20140830 museum night Photo 0 _ Home page

Eċċitament u sorpriżi fil-Mużew tal-Mewt – Ir-Russja

 

Il-Mużew tal-Kultura Funerali Dinjija f’Novosibirsk, il-kapitali tas-Siberja, kien wieħed mill-iktar postijiet popolari fejn wieħed seta’ jiċċelebra l-Lejl tal-Mużewijiet – 2014. Il-viżitaturi kellhom l-opportunità li mhux biss isiru jafu dwar l-ilbiesi tal-mewt u dwar ir-ritwali tal-funerali iżda wkoll li jaraw il-karattri favoriti tagħhom mill-istejjer tal-biża’ ta’ qabel l-irqad. Dawk li jfittxu dan l-eċċitament kellhom sorpriża tistenniehom peress li kellhom iċ-ċans li jesperjenzaw x’jiġifieri li tkun mejjet. Biex jagħmlu dan, kellhom jagħmlu ftit tal-kuraġġ biex jimteddu f’tebut tal-kristall tal-Czarevna l-Mejjet, karattru famuż minn ħrafa tal-kittieb Russu famuż, Alexander Pushkin. Il-mużew organizza wkoll kompetizzjoni għall-Aħjar Kostum tal-Lejl. Għalhekk kienet xi ħaġa totalment normali dak il-lejl li fil-folla tara żgħażagħ libsin ta’ nies mgħarrqin, ta’ sħaħar affaxxinanti jew ta’ gwerrieri tar-Russja l-Antika.  

Minkejja l-fatt li l-mewt u bosta ħwejjeġ funebri huma assoċjati man-niket u d-dmugħ, dak il-lejl fil-Mużew tal-Mewt, xorta kien hemm atmosfera karnivaleska allegruża. Kulħadd bi tbissima fuq wiċċu. Madankollu, f’xi għajnejn wieħed xorta waħda seta’ jara prudenza u xi ftit dwejjaq. Helen Mogelyuk (Russja)

 

Sens mistiku fil-Mużew tal-Kultura Biżantina f’Tessalonkini – Greċja

 

Il-Mużew tal-Kultura Biżantina f’Tessalonkini ċċelebra l-lejl tal-Mużew Nazzjonali billi fetaħ bwiebu għall-pubbliku għal-lejl speċjali li fih, b’suċċess, kien hemm it-tlaqqigħ tal-letteratura u l-mużika mal-esebizzjonijiet. L-atmosfera kienet entużjastika. L-udjenza, li kienet magħmula kemm miż-żgħażagħ kif ukoll min-nies ikbar fl-età, kienu qed isegwu l-attivitajiet b’qima kważi reliġjuża.

Il-preżenza tax-xena qadima tħalltet perfettament mal-ħsejjes tal-oud, tal-kuntrabaxx u tar-rakkonti, li fl-istess ħin, taw sens mistiku lill-post li fih il-passat iltaqa’ mal-preżent. Yiorgos Toumanidis (Greċja)

 

 

Lejl mimli bin-nies f’Barċellona – Spanja

 

Biex nibda, mas-7 ta’ filgħaxija kont diġà qiegħda ħdejn il-“mużew taċ-ċikkulata”. Imma x’sorpriża ħadt meta skoprejt il-kju ta’ sagħtejn! Il-ħaġa kurjuża hi li dan il-mużew mhuwiex wieħed mill-iktar emblematiċi f’dawn in-naħat, u lanqas biss qiegħed fi triq fejn kien hemm attività kbira. Kif stajt nara, dan il-mużew kien popolari l-iktar mal-familji bit-tfal.

Peress li rajt li kien kważi impossibli biex nidħol fil-mużew, ippruvat nidħol minflok ġol-“Museu Diocesà de Barcelona”. F’dan il-mużew, li qiegħed ħdejn il-Katridral ta’ Barċellona, kien hemm wirja tax-xogħlijiet tal-arti ta’ Gaudi. Kien inqas ippakkjat bin-nies imma xorta kien hemm numru sew ta’ viżitaturi li ħadu l-opportunità li jgawdu dan il-mużew b’xejn. Nissogra ngħid li ġo dan il-mużew kien hemm turisti daqs kemm hemm residenti lokali ġewwa l-Barċellona. Madwar il-belt kien hemm postijiet li wieħed seta’ jidħol fihom b’xejn. 72 mużew kienu miftuħin għall-pubbliku. Iżda, bla dubju, l-iktar mument eċċezzjonali u impressjonanti tal-lejl kien meta mort “La Pedrera”, il-bini famuż ta’ Gaudi li jinsab f’Passeig de Gràcia u li kellu kju twil madwar il-periferija kollha tal-pjazza. Miriam Vàzquez (Spanja)

 

Tradizzjoni u ħaġa moħġaġa għall-Mużew Nazzjonali tal-Ungerija – Ungerija

 

Bżieżaq, organetti li jindaqqu bl-imradded, ix-xita tar-rebbiegħa u t-tlaqqigħ tal-mużewijiet Ungeriżi. Il-Mużew Nazzjonali tal-Ungerija kien stieden 107 mużewijiet minn madwar il-pajjiż kollu biex nhar is-17 u t-18 ta’ Mejju jorgannizzaw “Maying” fil-miftuħ. Il-festival kellu l-għan li jippopolarizza kollezzjonijiet partikolari li jirrappreżentaw tradizzjonijiet nazzjonali, bħal ngħidu aħna d-drapp Ungeriż miżbugħ blu, l-organetti li jindaqqu bl-imraded, il-bajd tal-Għid jew it-“Telephone Herald” li kien jintuża fl-Imperu Awstra-Ungeriż. Madaonkollu, kien hemm ukoll l-iskop li jintroduċu speċjalitajiet internazzjonali bħal pereżempju, kollezzjoni ta’ bnadar mill-pajjiżi kollha tad-dinja jew iż-żfin tradizzjonali tal-Bavarja.

 Minkejja t-temp kapriċċuż u t-traxxix ta’ xita kull għaxar minuti, minn kmieni filgħodu sa tard billejl, bosta viżitaturi qagħdu jippassiġġaw fil-park tal-Mużew Nazzjonali, fejn il-mużewijiet li ħadu sehem għamlu t-tined għall-wirjiet. Is-suġġett tal-programm li fuqu kienu bbażati l-wirjiet kien pjuttost misterjuż. Il-mużewijiet ingħataw ħaġa moħġaġa: iż-żewġ numri “19/20” li b’xi mod kellhom jinterpretawhom. Wirjiet differenti sabu soluzzjonijiet differenti: madankollu, il-mużewijiet spjegaw din il-ħaġa moħġaġa bħala l-bidla tas-seklu. Għalhekk, intwerew invenzjonijiet, kostumi, letteratura u mużika li jmorru lura għal din l-epoka. Il-park kien post ta’ tlaqqigħ ta’ interpretazzjonijiet ta’ personalitajiet storiċi famużi bħal Francis Joseph I, ta’ żgħażagħ qed jiskopru tradizzjonijiet kulturali differenti u ta’ esperti tal-mużewijiet. Kienet attività kontinwa pjaċevoli. Zsófia Szlamka (Ungerija)

 

Lejl alternattiv f’Pariġi – Franza

Għal darb’oħra, il-lejl Ewropew tal-mużewijiet beżżagħni. Wisq nies, wisq mużewijiet, wisq għażliet… Għalhekk, bla ħsieb, iddeċidejt li nissorpriża lili nnifsi. Iddeċidejt li nżur gallerija tal-arti alternattiva f’latrini antiki.

20140830 museum night Photo 10 _ looking at the photos on the wall of an old public toilets in Paris.

It-tpinġijiet fuq il-ħajt, il-pitturi fuq naħa oħra u l-film għaddej fl-isfond ippreparawhom l-istudenti tal-arti għal dak il-lejl… Il-kmamar tal-latrini antiki kienu l-post ideali għal din il-fotografija ta’ era ġdida. L-istil tal-għoxrinijiet tal-latrina żied xi ftit eleganza ma’ din il-gallerija li damet għal dan il-lejl biss. Il-programm kien jismu “Artreet #1”… forsi sinjal ta’ iktar sorpriżi li għad iridu jiġu. Edwige Jeannenot (Franza)

 

Niskopru l-belt tal-ħwawar – Russja

Iktar minn 400 persuna żaru l-proġett għall-wiri “Yekaterinburg – il-belt tal-ħwawar” fil- Mużew tal-Istorja fl-Università tal-Ekonomija tal-Istat Ural f’Yekaterinburg, ir-Russja. Matul il-lejl tas-17 ta’ Mejju, l-Università ma raqditx anzi xerrdet il-fwejjaħ tal-imsiemer tal-qronfol, tal-klin, tal-kardamonu, tal-kannella u tan-nagħniegħ.

Il-wirja kienet maqsuma f’diversi partijiet interattivi. Matul il-lejl, kulħadd seta’ jitgħallem fuq l-oroskopju tal-ħwawar u jsib liema ħwawar kienu joqogħdu l-aħjar għall-karattru u l-burdata tiegħu/tagħha. L-iktar attività popolari għaż-żgħażagħ kienet it-tpinġijiet bil-ħenna waqt li t-tfal kienu mehdija jpinġu l-gibberies. L-istudenti tal-USUE ppreżentaw l-aħjar tpinġija magħmula mill-ħwawar. Nina Groznykh (Russja)

 

Skulturi tal-ħġieġ u Arti Moderna – Armenja

 

Żort iċ-Ċentru Cafesjian tal-Arti http://www.cmf.am/ li jinsab fiċ-ċentru ta’ Yerevan. Bosta kienu qegħdin jilagħbu mat-tfal tagħhom u jkantaw barra l-mużew, waqt li kju twil ta’ nies kienu qegħdin jistennew biex jidħlu ġewwa.

20140830 museum night Photo 13 _ A sculpture of a women smoking

L-itwal kju kien għas-sala tal-ewwel sular, fejn kien hemm skulturi tal-ħġieġ ta’ Dale Chihuly, Stanislav Libenský u Jaroslava Brychtová. Il-mużew kollu kien mimli bin-nies jistennew biex jaraw din l-arti moderna. Tatevik Vardanyan (Armenja)

 

Biex issir taf iktar fuq il-Mużew ta’ Yerevan, titlifx il-lejl tal-Maratona tal-Mużew, dalwaqt fuq Meeting Halfway.

[crp]

 

Awtriċi : Helen Mogelyuk (Russja)

Tistudja: Ġurnaliżmu tat-TV

Titkellem: Russu, Ingliż

L-Ewropa hi l-art tal-antenati tiegħi.

Twitter: @Magnetic_anger

 

Yiorgos Toumanidis (Greċja)

Jistudja/Jaħdem: Studji tal-Kultura Ewropea, Teatru, Kitba Teatrali u Kitba Kreattiva

Titkellem: Grieg, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa hi: taħlita eċċezzjonali ta’ kulturi li jeħtieġu li nqajmuhom sew.

Twitter: @yiorgostouma

(diġà kitbet għal MH għalhekk kollox hu tradott hawn: http://fr.meetinghalfway.eu/2013/10/06/le-charme-silencieux-de-la-langue-des-signes/ )

 

Miriam Vázquez (Spanja)

Tistudja/Taħdem: Ġurnaliżmu u Xjenzi Politiċi u Amminstrattivi

Titkellem: Spanjol, Katalan, Ingliż, ftit Franċiż u Ġermaniż

L-Ewropa hi … post uniku fejn nies ta’ kulturi, lingwi u opinjonijijet differenti jgħixu flimkien

Twitter: @mirabroad

(diġà kitbet għal MH għalhekk kollox hu tradott hawn : http://fr.meetinghalfway.eu/2013/10/01/je-suis-anglaise-et-si-on-se-parlait-dans-ta-langue/)

 

Awtriċi : Zsófia Szlamka (Hungary)

Tistudja: Psikoloġija, Ġurnaliżmu

Titkellem: Ingliż, Franċiż

L-Ewropa għalija hi punt ta’ tlaqqigħ

Twitter: @zsofiaszlamka

 

 

Awtur:: Edwige Jeannenot (Franza)

Jistudja:) Ġurnaliżmu tat-TV f’EICAR (f’Pariġi)

Jitkellem: Franċiż, Ingliż, Ġermaniż

L-Ewropa hi parti minn dak li jien.

Twitter: @dwigwi

 

Awtriċi : Nina Groznykh

Tistudja/Taħdem: Relazzjonijiet Internazzjonali/Studji Reġjonali

Titkellem: Russu, Ingliż, Ġermaniż

L-Ewropa hi mimlija bi stejjer meraviljużi.

Web-site: http://ngroznykh.wix.com/ninagroznykh

Instagram: http://instagram.com/ninagroznykh

Facebook: https://www.facebook.com/nina.groznykh

 

Traduttriċi: Glynnies Bonnici

Tistudja: il-Malti u t-Traduzzjoni

Titkellem: Il-Malti, l-Ingliż u l-Franċiż

 

Qarrej tal-Provi: Paula Schembri

Tistudja: il-Lingwi u t-Traduzzjoni

Titkellem: l-Ingliż, il-Malti u l-Franċiż

L-Ewropa hija ħajja mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Italiano, Magyar, Português, Türkçe, [Main Site], Ελληνικά and Русский.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php