Merħba f’Meeting Halfway…

…ir-rivista ġdida għall-Ewropa, bis-sehem ta’ xi għoxrin kontributur u iktar minn mitt traduttur minn madwar il-kontinent. Huma ħafna n-nies li matul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur taw u għadhom qed jagħtu ħinhom u ħidmiethom għal dan il-proġett. Għalhekk nittama li r-riżultat ser jogħġobkom.

Dan mhuwiex l-aħjar post għalija biex ngħidilkom “l-Istorja kollha tal-Meeting Halfway”, iżda minkejja dan nixtieq naqsam magħkom xi tfisser għalija li tkun parti minn din l-istorja. Ilni għal dawn l-aħħar snin nemmen fil-Ħolma Ewropea, ħolma ta’ paċi u ħbiberija, fejn wieħed filwaqt li ma jitlifx it-tradizzjonijiet u l-kulturi nazzjonali jew reġjonali tiegħu, fl-istess ħin qed jibni identità Ewropea. Ħafna drabi nisimgħu li din il-ħolma ma tistax isseħħ u li l-Unjoni Ewropea hija biss għodda ekonomika li l-istati membri jużaw biss meta jaqblilhom.

Kuljum naqraw fil-gazzetti tagħna, nisimgħu fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni: li l-Ewropa għadha ’l bogħod milli tkun magħquda. Li n-nies tan-Nofsinhar huma għażżenin u qatt ma jħallsu taxxi. Li l-Brittanniċi kollha jridu joħorġu mill-Unjoni. Li stati membri ġodda bħar-Rumanija u l-Kroazja qegħdin ifittxu biss il-benefiċċji monetarji mingħajr ma għandhom ebda interess fi proġetti oħra. Li n-nies tat-Tramuntana ma jaħmlux lill-Greċja, u li l-Griegi ma jaħmlux lill- Ġermaniżi u li l-Ġermaniżi ma jaħmlu lil ħadd.

Ħalluni mela ngħidilkom din: bħalissa qegħdin f’sit elettroniku li kien ikkreat minn żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha. Ikkreat b’mod volontarju fil-ħin liberu tagħhom. Ħadmu mhux għaliex kienu ser jitħallsu, iżda għax jemmnu fl-idea wara dan il-proġett.

Ħalluni ngħidilkom iktar fatti: il-Griegi li kkontribwew bl-istejjer, kienu fost l-iktar nies ta’ min joqgħod fuqhom. It-tim tat-tradutturi Brittanniċi huwa wieħed mill-ikbar li għandna, b’madwar tnax-il persuna li għandhom kollox minbarra nuqqas ta’ interess fl-Ewropa. It-tim Rumen mhuwiex daqstant kbir iżda xorta rnexxielu jittraduċi kważi kull storja. U bilħaqq, jiena Ġermaniża, u ħadd qatt ma qal xejn negattiv dwar dan.

Kif wieħed jistenna, mhux kollox mexa ħarir jew b’mod perfett: ħafna nies ingħaqdu magħna b’ħafna entużjażmu, iżda wara ġimagħtejn qalulna li sfortunatament ma setgħux jagħtu sehemhom iktar. Oħrajn kemm qabdu u telqu nkiss inkiss bla ma smajna xejn mingħandhom … Hemm xi lingwi li s’issa għadhom ma jinstabux fuq is-sit – il-Franċiz, pereżempju. Ma nafx għaliex. Forsi għax għadna ma lħaqniex lin-nies li jistgħu jgħinuna.

Minkejja li kien hemm numru sostanzjali ta’ nies li ma baqgħux jagħtu sehemhom, bħalissa nistgħu nippreżentaw stejjer tajbin f’xi għoxrin lingwa differenti.

Qabel nagħlaq, nixtieq inwieġeb għal mistoqsija li staqsewni ħafna u ħafna drabi: għalfejn trid tippublika l-istejjer f’dawn il-lingwi kollha ġaladarba llum kulħadd jaf jaqra bl-Ingliż? Il-lingwa hija parti essenzjali mill-identità tagħna, ta’ wirtna, u anka tal-mod ta’ kif naħsbu. Għalija, il-ħafna lingwi differenti jirrappreżentaw il-qofol tal-Ewropa: ilkoll huma differenti u uniċi, imma fl-istess ħin relatati u membri tal-istess familja. Waqt li qed nikteb dan l-artiklu, jien stess ma nafx b’liema lingwa se tkun qed taqrah u dan jagħtini sodisfazzjon kbir.

Nittamaw li int tieħu gost hawn f’Meeting Halfway u li terġa’ żżurna ma ddumx.

Maria-Xenia Hardt u t-tim kollu ta’ Meeting Halfway.

Maria-Xenia Hardt  (Ġermanja)

Tistudja: L-Letteratura Ingliża/Amerikana u l-Portugiż

Lingwi: Il-Ġermaniż, L-Ingliż, il-Franċiż u l-Portugiż.

L-Ewropa hija… il-bar tar-residenza tal-istudenti tiegħi, vjaġġ bil-ferrovija minn Varsavja sa Liżbona, u ċ-Champions League.

Twitter: @mxhardt

Traduzzjoni

Laura Cioffi (Malta)

Traduzzjoni

Nunzio Schembri (Malta)

 

 

[crp]

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php