Is-Seħer sieket tal-lingwa tas-sinjali

Jien iltqajt ma’ Grigoris u Sofia, tnejn min-nies li jafu jużaw il-lingwa tas-sinjali. L-ewwel wieħed sforz neċessità fiżika u l-oħra minn xewqa li tkun taf il-lingwa. Flimkien tkellimna dwar is-sigrieti tal-lingwa tas-sinjali.

Grigoris Petropoulos, is-sid u għalliem fl-iskola tal-lingwa tas-sinjali “Cosmos”, li tinsab fiċ-ċentru tat-Tessalonika, laqagħni fl-iskola tiegħu. Onest għall-aħħar fil-perspettivi tiegħu bħala bniedem, u inċisiv fi ħsibijietu bħala għalliem u viżjonarju, hu spjegali b’intimità t-termini, strutturali u mhumiex, tal-lingwa tas-sinjali, il-completeness u s-sbuħija li ma tirriflettix biss il-ħiliet u l-inġenwinità tal-ispirtu uman, iżda sservi wkoll ta’ prova li l-ostakli tal-ħajja jistgħu jinbidlu f’passi għall-aktar żvilupp.

20130920 Sing Language 3 Grigoris

Għalkemm il-kuluri jispikkaw kullimkien fil-kurituri, “il-ħitan tal-klassijiet huma ‘mneżżgħin’ minn dak kollu li jista’ jtellef għajnejn l-istudenti minn fuq l-għalliema, li huma dejjem torox u li jgħallmu l-lingwa permezz ta’ interpretu.”

“L-istudenti normalment jiġu biex jitgħallmu l-lingwa għall-raġunijiet professjonali, jew forsi għax għandhom persuni neqsin mis-smigħ fil-familja jew fiċ-ċirku ta’ ħbieb tagħhom. Oħrajn jiġu sempliċiment għax togħġobhom il-lingwa. Għall-bidu huma jibdew jiffamiljarizzaw ruħhom mal-vokabularju bażiku tal-lingwa tas-sinjali. Huma jirriproduċu il-movimenti li jaraw fl-istampi jew fuq DVD. Iktar tard, huma jiffurmaw xi frażijiet u l-għalliema jistaqsuhom xi mistoqsijiet. Kultant, nistiednu żewġ studenti biex joqogħdu f’nofs ċirku u jikkomunikaw flimkien. Bil-mod il-mod jibdew jifformulaw stejjer qosra sempliċi, u maż-żmien jibdew jarrikkixxu il-frażijiet tagħhom u jibdew jikkomunika b’iktar faċilità u veloċità.

“Meta bdejt il-lezzjonijiet fil-lingwa tas-sinjali ma kontx naf li l-għalliema kienu se jkunu torox” stqarret Sophia, li taħdem bħala psikologa. “Dan ifisser li mill-ewwel mument qed tiġi f’kuntatt mat-tifsira vera tal-lingwa tas-sinjali, u dan kien tassew eċitanti għalija.”

20130920 Sing Language 3 Sofia

“Il-lingwa tas-sinjali tista’ tintuża għal kollox; tista’ titkellem dwar il-problemi tiegħek, dwar kif kien il-jum, tista’ anka tgħid iċ-ċajt! Minħabba li hija lingwa viżwali-kinetika, l-espressjoni hija karatteristika importanti fil-lingwa tas-sinjali.”

“L-espressjonijiet tal-ġisem, il-movimenti tal-idejn, tal-polz tal-id u tal-ispallejn huma importanti ħafna fl-istruttura tal-lingwa tas-sinjali,” qalli Grigoris waqt li kompla jfehemni li “l-istruttura hija konkreta, iżda mhix l-istess bħall-istruttura tal-lingwa orali. Pereżempju, fi frażi fil-lingwa tas-sinjali, nużaw l-oġġett qabel is-suġġett, imbagħad l-aġġettiv u l-verb imur fl-aħħar. Bl-istess mod, meta nistaqsu xi ħaġa, il-pronomi interrogattivi u l-avverbji (xiex, kif, eċċ) ukoll imorru fl-aħħar tal-frażi biex il-mistoqsija tkun ċara għall-interlokutur.

“Għal bidu sibtha ftit diffiċli”, qalet Sophia, “peress li fil-lingwa mitkellma aħna mdorrijin npoġġu l-verb f’nofs is-sentenza, waqt li fil-lingwa tas-sinjali il-verb imur fl-aħħar tas-sentenza, imma ma domtx ma drajt”.

“Huwa importanti ferm li wieħed ikollu kuntatt ma’ nies neqsin mis-smigħ, għaliex b’hekk wieħed bħal ibiddel minn lingwa għall-att,” jgħid Grigoris waqt li jkompli jżid li “fost l-iktar affarijiet bażiċi fl-istruttura tal-lingwa tas-sinjali hemm l-hekk imsejħa ‘klassifikaturi’. Jekk b’id waħda qed nifforma l-kelma ‘karozza’ u bl-id l-oħra nifforma l-kelma ‘siġra’, magħqudin flimkien ifissru li l-karozza ħabtet ġos-siġra”.

“Biż-żewġ idejn inkun qed nirreferi għal żewġ kelmiet differenti. Jekk irrid ngħid li hemm ħafna karozzi, inpoġġi pala ta’ id ħdejn l-oħra, jew jekk irrid ngħid il-pożiżżjoni tal-karozza, kulma rrid nagħmel huwa li nibdel il-pożizzjoni tal-pala tal-id. Dan jagħmilha iktar faċli għal min jiġi mitlub jittraduċi għax ma jkollux għalfejn juża wisq kliem.

Sophia fil-passat ħadmet ma’ tfal tal-kindergarten u tal-primarja billi offritilhom sapport psikoloġiku: “Ridt nitgħalem il-lingwa tas-sinjali għaliex b’hekk stajt inkun preżenti għall-aktar okkażjonijiet speċjali. Fi skola, pereżempju, stajt ngħin tfal bi problemi ta’ komunikazzjoni fejn ikun hemm bżonn. Nemmen li l-lingwa tas-sinjali għandha tiġi mgħallma fl-iskejjel. Din tgħin lit-tfal jikkomunikaw flimkien. Hemm tfal li jitwieldu torox u l-uniċi persuni li jistgħu jikkomunikaw magħhom huma l-ġenituri tagħhom, u din hija tassew ħasra”.

20130920 Sing Language 2 Sofia

“Fl-Iżvezja, in-Norveġja, id-Danimarka u l-pajjiżi Skandinavi inġenerali hemm kors obbligatorju fejn it-tfal tal-iskejjel primarji jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali” jinfurmana Grigoris. “Meta jibdew l-edukazzjoni post-sekondarja jistgħu ikomplu jitgħallmuha jekk jixtiequ. Tkun ħaġa tassew tal-għaġeb kieku jsir hekk fil-Greċja. Is-soċjetà ta’ persuni neqsin mis-smigħ tkun integrata fis-soċjetà ta’ dawk li jisimgħu iktar faċilment. Dan jista’ jwassal ukoll biex xi tfal ikunu jistgħu jmorru fi skejjel normali. Bħalissa għandna skejjel li huma għal tfal torox biss. Kieku nitfgħu tifel trux fi skola ma’ tfal li jisimgħu, jispiċċa maqtugħ minn kulħadd u żgur li ma jipprogressax daqs sħabu”.

Meta staqsejtu jekk it-teknoloġija tistax tgħin, hu qalli li “Bl-użu dejjem iżid tat-telefons ċellulari li jħalluna nikkomunikaw permezz ta’ messaġġ, ħajti saret iktar faċli, għaliex nista’ nikkomunika ma’ xi ħadd li qiegħed f’belt oħra. Qabel, jekk ridt nirranġa xi ħaġa ma’ sħabi, kelli nibda nippjana ħafna qabel. Permezz ukoll tat-telefonati vidjofoniċi li huma pprovduti permezz ta’ apparat ġdid u programmi fuq il-kompjuter, nistgħu naraw lil xulxin u nikkomunikaw permezz tal-lingwa tas-sinjali”.

X’inhuma l-benefiċċji ta’ meta wieħed jitgħallem il-lingwa tas-sinjali? “Jien m’iniex f’pożizzjoni li nagħti tweġiba tajba daqs persuna mingħajr problemi tas-smigħ.” jammetti Grigoris. “Milli jgħiduli, il-lingwa tas-sinjali togħġobhom għaliex din iġġib fihom bidla, bidla personali. Huma jħossuhom iktar espressivi, u jkabbru l-għarfien u jesperjenzaw kultura differenti minn tagħhom. Meta jsiru jafu lil xi ħadd li ma jismax u jsiru kapaċi jikkomunikaw miegħu, huma jiġi f’kuntatt ma’ xi ħaġa ġdida li tibdilhom minn ġewwa.” Għal Sophia, “l-iktar ħaġa importanti hija li tesperjenza xi ħaġa differenti. Tiltaqa’ ma’ kultura differenti u għalija, dan kien ta’ benefiċċju kbir. Aħna rridu li kontinwament nippruvaw nwessgħu l-għarfien tagħna tad-diversità li hawn madwarna. Nies torox huma ġeneralment estroverti ħafna u għandna nitgħallmu kif nikkomunikaw magħhom”.

Qabel ma temmejt din il-konversazzjoni ma’ Grigoris, hu qalli li hu “interessat ħafna f’li jxerred l-għarfien tal-lingwa tas-sinjali u biex iktar nies jitgħallmuha, li s-soċjetà issir iktar tolleranti għaliha. Jien ma nixtieqx li jkun hawn soċjetajiet magħluqin. Nixtieq nara soċjetà iktar wiesgħa fejn il-gruppi soċjali individwali kollha jeżistu flimkien. Wara kollox, aħna lkoll umani. Din hija r-raġuni għala l-iskola semmejnieha “Cosmos”. L-għan tagħna kien u jibqa’ li naraw dinja magħquda fejn nies, torox u mhumiex, jgħixu flimkien”.

Ringrazzjamenti

Nixtieq nirringrazzja lil Antonis, interpretu li qed jitħarreġ, tal-interpretazzjoni matul din il-konversazzjoni.

[crp]

Awtur

Yiorgos Toumanidis  (Il-Greċja)

Studju / Xogħol: Studji Kulturali Ewropej, Teatru, Kitba Teatrali u Kitba Kreattiva

Lingwi: Il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol

L-Ewropa hija: għaġna sabiħa ta’ kulturi li trid titħallat b’għaqal..

Twitter: @yiorgostouma

Traduzzjoni

Laura Cioffi (Malta)

Traduzzjoni

Glynnies Bonnici (Malta)

This post is also available in Bosanski - Hrvatski - Srpski, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Magyar, Nederlands, Polski, Português, Română, Türkçe, [Main Site], Ελληνικά and Русский.

Author: maria

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq