Koppji ta’ kulturi differenti qed isiru aktar komuni fis-soċjetà globali tagħna. L-ivvjaġġar, ix-xogħol u l-istudju jfissru li relazzjonijiet ġodda qegħdin jiffurmaw li fihom il-komunikazzjoni u r-rispett għat-tradizzjonijiet ta’ kull wieħed mill-membri tar-relazzjoni huma essenzjali biex ir-relazzjoni tkun dejjiema. Madankollu, dawn in-nies huma normalment ukoll vittmi ta’ diversi problemi bħal proċess burokratiku li ma jispiċċa qatt u diskriminazzjoni.
Il-globalizzazzjoni, l-ivvjaġġar u inizjattivi edukattivi biex jippromwovu l-koeżjoni Ewropewa, bħall-fondi għall-Erasmus, u tipi oħra ta’ proġetti relatati ddisinjati biex jippromwovu l-internalizzazzjoni tal-ideat u n-negozji f’dawn l-aħħar snin, irriżultaw f’żieda fin-numru ta’ koppji ta’ nazzjonalitajiet differenti. Iżda dawn l-esperjenzi ta’ mħabba mhumiex kollha sempliċiment fuq żewġ min-nies.
Il-lingwa, id-drawwiet, it-tradizzjonijiet, il-familja u d-diskriminazzjoni huma biss ftit mill-aspetti li jaffettwaw direttament lill-koppji minn partijiet differenti tad-dinja. Minkejja li r-relazzjonijiet kollha jistgħu jgħaddu minn mumenti ta’ kriżi, żewġ affarijiet huma ovvji: il-komunikazzjoni u r-rispett lejn it-tradizzjonijiet tal-ieħor jew l-oħra huma fundamentali għall-koppji multikulturali.
Sena ilu, Alessandra reġgħet lura mill-vjaġġ tagħha lejn l-Arġentina. Kienet l-ewwel darba li żaret l-Amerka t’Isfel u għalkemm ivvjaġġat waħdeha, ġarret magħha bagalja mimlija tamiet peress li kienet se tqatta’ l-ewwel Milied tagħha fis-Sajf Awstral tal-belt Arġentinjana Salta mal-familja tal-għarus tagħha Oscar.
“Iltqajna fil-festin ta’ għeluq snin wieħed mill-ħbieb ta’ Oscar. Jien mort ma’ ħabiba fil-bidu tas-sena tal-Erasmus tiegħi.” Dan hu kif it-Taljana tiftakar l-istorja tal-lejl fl-2010 meta ltaqgħet mal-għarus tagħha. Illum, 3 snin wara, Alessandra u Oscar joqogħdu flimkien f’raħal jismu San Pedro de Alcántara fuq il-Costa del Sol Spanjola.
Li jgħixu flimkien minn dejjem kien wieħed mill-iktar elementi qawwijin tar-relazzjoni Taljana-Arġentinjana. “Aħna naħsbu li l-kultura Arġentinjana hi vera simili għal dik Taljana u minħabba dan, ftit inbdilna, pereżempju fil-mod ta’ kif nikkomunikaw.”
Kemm fil-pubbliku u kemm meta jkunu d-dar, huma jitkellmu bl-Ispanjol. “Huwa lsien twelid Oscar u l-lingwa uffiċjali tal-pajjiż li ngħixu fih, għalhekk hi parti mill-ħajja ta’ kuljum,” tistqarr Alessandra waqt li tikxef ukoll li jitkellmu wkoll ftit Taljan peress li fl-aħħar ftit snin, Oscar qabad ftit minnu.
Problemi tar-relazzjoni
Il-waqfien tal-użu ta’ kliem bħal “carro” għal “karozza” u “coleto” għal “mop” huma biss ftit mill-eżempji ta’ kif il-vokabularju nattiv Venezwelan ta’ Gabriela nbidel bħala konsegwenza ta’ kemm ilha tgħix mal-għarus tagħha Daniel fi Spanja. Sa minn mindu ltaqgħu sitt snin ilu, il-Venezwela minn dejjem ħassitha komda. “Kullimkien, hemm nies li jgħinuk u li jagħtuk il-pariri u jien napprezza dan, fuq kollox u primarjament: il-familja tal-għarus tiegħi, ix-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum” tgħid Gaby.
Meta saqsejt lil Daniel fuq il-ġurnata li fiha ltaqa’ l-ewwel darba mal-Venezwela, jgħid li jiftakar kollox. “Iltqajna mill-kuġini tagħha; meta wasalt f’Malaga 6 snin ilu, il-kuġin tiegħi u l-kuġina tagħha kienu koppja. Ħija u jien qattajna ftit żmien ngħixu magħhom u darba, il-kuġina tagħha organizzat BBQ u kien hemmhekk li ltqajna,” jiftakar.
Fil-każ tal-istil ta’ ħajja tal-koppja Venezwela-Spanjola fi Spanja, l-iskeda ta’ kuljum u r-rutini tagħhom inbidlu drastikament. Mhijiex ħrafa li fi Spanja, jieklu l-ikla ta’ nofsinhar, il-pranzu u jorqdu ħafna iktar tard mill-kumplament tad-dinja. Pereżempju, Gaby, kienet tiekol il-pranzu sagħtejn iktar kmieni fil-Venezwela u kienet tmur torqod madwar id-9:30 ta’ filgħaxija mentri llum il-ġurnata tippreferi tmur torqod fil-11 ta’ filgħaxija.
Skont il-figuri li kienu ppubblikati fir-rapport diġitali tal-istatistika “Women in Figures”, editjat mill-Istitut tan-Nisa fi Frar ta’ dis-sena, bejn l-1996 u l-2011, kien hemm 386,133 tieġ fi Spanja li minnhom tal-inqas persuna f’kull koppja kienet barranija. Ir-rapport juri wkoll li f’303,704 ta’ dawn iż-żwiġijiet; wieħed mill-koppja kien ta’ nazzjonalità barranija u l-ieħor kien Spanjol. Dan qisu qed ngħidu li, 78.66% tad-drabi, Spanjol jiżżewweġ barranija. Matul l-istess perjodu, 82,409 żwieġ kienu bejn koppji ta’ nazzjonalitajiet differenti.
Mingħajr dokumenti
Madankollu, dawn il-figuri ma jirriflettux il-problemi li jinqalgħu bħala riżultat tal-ksenofobija jew tar-razziżmu li koppji multikulturali jistgħu jbatu minnhom. “Fil-bidu tar-relazzjoni tagħna Oscar bata minn diskriminazzjoni fi Spanja u peress li ma kellux id-dokumenti t-tajbin, kien diffiċli li jgħix mingħajr ma jkun jista’ jaħdem”.
Fil-fatt, ħafna immigranti bis-sħab tagħhom iridu jgħaddu minn din is-sitwazzjoni diffiċli fejn f’ħafna okkażjonijiet ikunu sfurzati jaċċettaw xogħlijiet b’pagi iktar baxxi minn tal-kollegi Ewopej tagħhom, jaħdmu iktar sigħat jew sempliċiment ma jibbenefikawx mill-vantaġġi tax-xogħol bħall-bqija tal-impjegati.
“Is-sitwazzjoni tjiebet meta sirna ko-abitanti” jistqarr Oscar. Sa mit-3 ta’ Novembru 2010, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Suprema Spanjola bdiet tippermetti li koppji u ko-abitanti jitolbu awtorizzazzjoni għal residenza bħala membru tal-familja tal-komunità, u għaldaqstant, il-koppja Taljana-Arġentinjana ma ħasbithiex darbtejn.
Is-soluzzjoni għall-problema tagħhom kienet tfisser li Oscar għadda minn proċess burokratiku biex isir ċittadin bi drittijiet indaqs fl-Unjoni Ewropea. Dan ippermettielu jagħmel kif għamlet Alessandra fil-Milied, li jivvjaġġa lejn l-Italja biex jiltaqa’ mal-familja politika tiegħu.
[crp]
L-Aħħar Kummenti