Il-Brittanniċi huma magħrufa għan-nuqqas ta’ ħila li għandhom fil-lingwi, fil-fatt, skont stħarriġ ippubblikat mill-British Council, 78% tan-nies, mhumiex kapaċi jitkellmu lingwa barranija.
Diffiċli titgħallem lingwa barranija, le? Iva, diffiċli. Speċjalment fl-Ingilterra fejn it-tagħlim tal-lingwa jibda mill-età ta’ ħdax-il sena u titilqu wara 3 snin, fejn is-suġġett għandu l-inqas prijorità fil-kurrikulu nazzjonali, fejn ikollok siegħa ta’ tagħlim (tnejn, jekk tkun xortik verament tajba) u fejn m’għandekx opportunità fejn tista’ tapplika dak li tgħallimt fil-prattika.
Cathy Moscardini bdiet titgħallem l-Ispanjol fl-età ta’ ħdax-il sena fl-iskola u flimkien mal-Mandarin, baqgħet titgħallem din il-lingwa sal-livell universitarju. Cathy tikkumenta li, “Bdejt nitgħallem il-Mandarin meta kelli 19, fl-Università, u għalkemm hu possibbli li titgħallem f’dik l-età, qatt mhu se nkun fluwenti jew nasal fl-istadju fejn inkun totalment kuntenta bl-abbiltà tiegħi fil-lingwa”. Hi provata xjentifikament li iktar kemm titgħallem lingwa meta tkun żgħir, iktar tkun faċli. Cathy tistqarr ukoll li kieku bdiet titgħallem il-lingwa minn età iżgħar kien ikun ħafna iktar faċli li taqbad is-sistema tal-intonazzjoni u probabbli ma kinitx tqatta’ daqshekk sigħat tipprattika l-pronunzja.
44% tal-Brittaniċi jixtiequ jitgħallmu lingwa barranija.
Allura, x’inhu jiġri? Fl-Ingilterra, it-tfal m’humiex mistennija jitgħallmu lingwa qabel il-livell tal-iskola sekondarja u mill-2004, regola ġdida ddikjarat li t-tagħlim ta’ lingwa f’livell GSCE m’għadux obbligatorju. Minħabba din ir-regola, mill-2004 kien hemm tnaqqis drastiku fit-tagħlim tal-lingwi, bil-Franċiż u l-Ġermaniż bħala l-iktar lingwi li batew. Dawk li jirnexxilhom jaslu sal-livell tal-GSCE jispiċċaw wiċċ imb wiċċ ma’ sillabu mhux interessanti u limitat li m’għandux suġġetti interessanti u li hu nieqes minn eżerċizzji li jgħinu lill-istudenti jaħdmu. Stħarriġ wera li 44% tal-Brittaniċi jixtiequ jitgħallmu lingwa barranija imma din tidher bħala ambizzjoni mhux realistika meta wieħed iqis li t-tagħlim tal-lingwi mhuwiex prijorità fl-edukazzjoni u mhuwiex finanzjat mill-gvern.
Anki l-OfSTED, l-organizzazzjoni uffiċjali li teżamina u tirregola l-edukazzjoni fir-Renju Unit, iddeskrivit it-tagħlim tal-lingwi fi skejjel Brittaniċi bħala “batut” u ġibdet l-attenzjoni fuq in-nuqqas tan-numru ta’ Brittaniċi żgħażagħ li huma kapaċi jitkellmu tnejn jew tliet lingwi.
Katie Mitchell, studenta oħra tal-Ispanjol, terġa’ tiftakar iftakar fi żmienha l-iskola. Riedet tistudja, kemm l-Ispanjol kif ukoll il-Franċiż, fil-livell tal-GSCE imma qaluha li ma setgħetx tagħmel dan. Qalulha li jekk riedet titgħallem il-Franċiż, riedet tagħmel dan fil-ħin tagħha.
Ġeneralment, il-Brittaniċi, mhumiex tajbin biex jitgħallmu l-lingwi imma din mhijiex sorpriża minħabba li l-problema qiegħda fil-qalba tal-edukazzjoni. Cathy tgħid li l-, “Brittaniċi ġeneralment mhumiex eċċezzjonali biex jitgħallmu l-lingwi, mhux għax m’għandniex il-ħila li nagħmlu hekk imma pjuttost, għax l-iskejjel tagħna ma jinkoraġixxuhiex bħalma għandhom jagħmlu. Għala l-gvern ma jdaħħalx politika fejn it-tfal tagħna jibdew jitgħallmu l-lingwi mill-iskola primarja, jew anki, jinkoraġixxi l-użu ta’ skejjel tat-trabi multilingwi?”.
F’pajjiżi Ewropej oħrajn, suġġetti oħra, barra dawk dedikati għat-tagħlim tal-lingwi, huma mgħallma fil-lingwa mmirata, li tgħin fis-suċċess kbir tat-tagħlim tal-lingwi barranin.
Il-lingwa mhijiex biss dwar komunikazzjoni, hi wkoll dwar li tiftaħ moħħok.
Il-komunikazzjoni mhijiex l-unika ħaġa li tista’ takkwista meta titgħallem lingwa barranija, isservi wkoll bħala mezz biex tiftaħ moħħok. Matul l-istudji tagħha, Cathy kellha l-opportunità li tistudja sena barra, kemm fi Spanja kif ukoll fiċ-Ċina. Hi qalet, “għalija, li nkun kapaċi nitkellem lingwa meta nżur pajjiż tippermettili nesperjenza dak il-pajjiż u l-kultura tiegħu kollha kemm huma, peress li nista’ nkellem lin-nies li ma jitkellmux l-Ingliż, b’mod komdu, u l-koverżazzjoni hi ħafna aktar profonda minn dik it-tradizzjonali, “Nixtieq birra, jekk jogħġbok”.” Cathy tistqarr ukoll li titgħallem lingwa u tkun barra wessgħetilha l-orizzonti u żiedet il-kunfidenza tagħha u tħoss li “m’għadx għandha limiti f’dak li tagħmel”.
Cathy tgħid ukoll li, minbarra t’hawn fuq, titqies bħala manjieri tajbin li meta żżur pajjiż tipprova titkellem bil-lingwa tagħhom; turi l-akbar rispett lejn il-lingwa u l-kultura tagħhom, sensittività u tolleranza u xewqa li titgħallem dwar pajjiżhom. L-Ingliżi dejjem jistennew li n-nies jitkellmu bl-Ingliż meta jżuru l-Ingilterra għalhekk huwa ġust li jistennewna nitkellmu bil-lingwa tagħhom ukoll.
Madankollu, minbarra n-nuqqas ta’ investiment fl-edukazzjoni Brittanika, il-problema tmur oltrè. L-Ingliż hu lsien dominanti ferm, mitkellem minn miljuni ta’ nies madwar id-dinja; imma għal dawk li għandhom ix-xewqa u r-rieda li jitgħallmu lingwa, dejjem se jiltaqgħu ma’ nies li jixtiequ jipprattikaw l-Ingliż, li ħafna drabi jkun ta’ livell ogħla mit-tieni lingwa ta’ Ingliż. Katie tiftakar li matul is-sena barra dejjem kienet tipprova tipprattika l-lingwa tal-lokal imma nies oħra kienu jweġbuha bl-Ingliż, forsi minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja fil-ħila tal-Ingliżi li jitkellmu b’lingwa oħra. Katie żżid li matul is-sena barra ħassitha żvantaġġjata meta mqabbla ma’ studenti oħra Ewropej. Hi qalet li ħasset li hemm differenza kbira bejn il-livell tal-Ispanjol tagħha u dak ta’ studenti Ewropej oħrajn. Hi qalet ukoll li ħafna drabi kienet tistħi wisq biex titkellem bl-Ispanjol, minħabba li kienet l-ewwel darba li kellha l-opportunità biex tpoġġi l-ħiliet fil-lingwa tagħha fil-prattika.
Fl-Ingilterra, hu diffiċli li ssib riżorsi żejda li jgħinu fit-tagħlim tal-lingwi. Il-prezzijiet tal-kotba għall-istudju tal-lingwi huma esaġerati u minħabba d-dominanza tal-Ingliż fil-kultura popolari, hu diffiċli ferm li ssib films, kotba jew kanzunetti b’lingwa differenti.
Fi żmien ta’ inċertezza ekonomika, tidher bħala nuqqas ta’ għaqal li ma tinvestix fil-lingwi.
Il-futur tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ingilterra jidher imċajpar. Fi żmien ta’ inċertezza ekonomika, tidher bħala nuqqas ta’ għaqal li ma tinvestix fil-lingwi, speċjalment bl-ekonomiji tal-Ġermanja u taċ-Ċina li qegħdin jikbru b’rata mgħaġġla mmens. Mhuwiex aċċettabli li nassumu li l-bqija tad-dinja tibqa’ accomodate n-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi tagħna, li huma unikament ħżiena, b’mod speċjali matul żmien meta l-pajjiżi l-oħra qed iqumu fuq saqajhom u jitgħallmu iktar lingwi, bħal studenti fil-Latvja li qed jitgħallmu l-Ġermaniż. L-Ingilterra mhijiex rappreżentata b’mod ġust fost bosta istituzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea u dan ma jidhirx li se jittejjeb fi żmien qasir. L-Ingilterra hi biss gżira żgħira, li ġeografikament, hi iżolata mill-bqija tal-Ewropa, imma li qiegħda f’riskju li taqta’ lilha nnifisha aktar bin-nuqqas tal-kisba tal-lingwa u din hi xi ħaġa li teħtieġ li titranġa b’urġenza.
Dikjarazzjoni: Cathy Moscardini hi traduttriċi ma’ Meeting Halfway. Kieku ma kinitx, xorta konna ngħidu din l-istorja.
[crp]
L-Aħħar Kummenti