Iż-Żewġ Lingwi Tiegħi

Minn dejjem kien jogħġobha l-Franċiż. Għal din ir-raġuni sempliċi Eva ddeċidiet li tapplika għal skola komprensiva bilingwi. Din l-istess raġuni wasslitha l-università, fejn illum qed tistudja l-Franċiż. Minkejja li tinstema’ ta’ importanza żgħira, ftit snin ilu Eva ma kellha ebda idea kemm ħajjitha kienet se tinbidel.

Sitt snin ilu, meta Eva kienet qed tipprepara għall-eżamijiet biex tidħol fi skola komprensiva, kienet ferħana. Ħames snin wara, iggradwat, u ħassitha li qatt ma kienet se terġa’ lura għal dak iż-żmien. “Eżatt wara li ggradwajt, fuq kollox, ħassejt serħan kbir.” Eva tiftakar iż-żmien tal-“iskola sekondarja”. Illum għandha għoxrin, tistudja l-università u, minkejja kollox, qatt ma waqfet tinvolvi ruħha fil-Franċiż.

20130930 Bilingual student 1 Eva Lietavová @Private

Fl-Islovakkja, kull sena mijiet ta’ studenti huma aċċettati fl-iskejjel komprensivi bilingwi. L-edukazzjoni f’lingwi barranin tiġbed l-attenzjoni taż-żgħażagħ ambizzjużi (u tal-ġenituri tagħhom) li jaraw alternattivi “aħjar” mill-iskejjel komprensivi standard. Il-vantaġġ hu ovvju: il-kompetenza tal-lingwa barranija fil-livell tal-kelliem nattiv. Imma Eva targumenta li l-istudju fi skola bilingwi m’għandux biss benefiċċji. “Għall-kuntrarju, ħafna milli tatni l-iskola tteħidli.” Dan jirrelata l-aktar mal-fatt li ħafna minn dawn l-iskejjel komprensivi huma mmirati lejn ix-xjenzi naturali. “Irrealizzajt dan kollu fit-tieni sena. Il-kimika u l-fiżika qatt ma kienu jinteressawni. Speċjalment meta mgħallma b’lingwa barranija,” tispjega. Kienet studenta eċċellenti bi ftit jew xejn bżonn li tistudja d-dar, imma malajr inbidlet f’waħda normali, li tqatta’ sigħat kuljum mal-kotba.

Ħudu ħsieb il-kotba tal-iskola tagħkom, il-vokabularju jiġi wara

”Din hi l-ħajja fl-iskejjel komprensivi bilingwi. L-istudenti huma f’kuntatt mal-lingwa li għażlu biex jistudjaw kuljum, bħalma huma l-għalliema li normalment ikunu kelliema nattivi. Għalhekk kull student Slovakk fi skola komprensiva bilingwi jista’ jistudja bl-istess mod li kieku kien jagħmel bħal ngħidu aħna fil-Gran Brittanja, fil-Ġermanja, fi Spanja jew fi Franza. “Kellna kurrikulu Franċiż, xi għalliema Franċiżi, u kotba, naturalment,” tikkonferma Eva tidħak. “L-għalliem tal-kimika kien dejjem ifakkarna biex nieħdu ħsiebhom, għax il-Franċiżi ma kinux se jibgħatulna oħrajn ġodda.”

Li tesperjenza lingwa barranija ta’ kuljum taffettwa lin-nies iktar milli wieħed jista’ jobsor mal-ewwel daqqa t’għajn. Student fi skola komprensiva bilingwi jgħix f’kuntatt dirett ma’ kultura differenti mingħajr ma jkun ivvjaġġa. “Kien xi darba fl-ewwel sena meta rrealizzajt li nitkellem u naħseb bla taqliq bil-Franċiż.” Hija tiftakar l-ewwel vjaġġ tagħha fl-Eżagonu (Franza). Iżda li titkellem il-lingwa b’mod mexxej mhuwiex kollox. “Anki llum kien ikolli problema biex noħroġ b’riċetta bil-Franċiż. Fl-iskola sekondarja ma qattajniex ħafna ħin fuq il-vokabularju,” tammetti Eva. “Madankollu qattajna bosta ħin fuq ix-xjenzi naturali,” tgħid. Allura x’kien dak li l-iskola bilingwi ħaditilha? “L-iktar, il-ħin. Dawk is-sigħat kollha fuq il-bijoloġija jew il-fiżika, suġġetti li qatt mhu se nerġa’ mmur għalihom, li stajt inqattagħhom nagħmel xi ħaġa iktar utli għalija. Imma biex nistudja għall-dawk it-testijiet, qatt ma kien hemm ħin biżżejjed għal affarijiet oħra.”

Eva: Qatt ma ridt nitlaq għal Franza

Hija tiċċara kemm l-iskola bilingwi influwenzatha. “Il-fatt li qed nistudja l-Franċiż fl-università mhuwiex kumbinazzjoni. Iż-żmien fl-iskola komprensiva affettwani konsiderevolment. Ma tridx tarmi ħames snin ta’ xogħol iebes.” “Min-naħa l-oħra, diffiċli temminha, imma probabbli kont se nispiċċa nagħmel xi ħaġa verament simili, anki li kieku mort fi skola komprensiva standard.” Minbarra l-lingwa Franċiża, Eva tistudja wkoll it-teorija tat-teatru. “Idealment, nixtieq norbot dawn iż-żewġ suġġetti. Jekk le, dejjem nista’ ngħallem għax vera jogħġobni.” Eva tikkontempla l-futur. Qiegħda taħseb biex titgħallem lingwa oħra imma, b’mod xi ftit paradossali, mhux lingwa Romanza. Hi tispjega għala wara li gradwat ma marritx tistudja Franza bħal ftit minn sħabha tal-klassi. “Jien ninġibed aktar lejn it-tramuntana; m’iniex interessata fil-pajjiżi tas-sud. Anzi, jien iktar persuna ‘Slavonika’,” tikxef hi, u żżid li tixtieq tistudja r-Russu.

Hi l-litteratura Franċiża li l-iktar tqanqal memorji tad-daħk. “Fit-tieni sena studjajna r-Rhinoceros ta’ Ionesco. Ma kienx hemm sfond ta’ informazzjoni jew kuntest; kemm qrajna u kkummentajna fuq siltiet mit-test. Dak il-ktieb kien tal-imġienen, ħadd minna ma fehmu,” tidħak u tiftakar kif hi u sħabha tal-klassi, waqt il-lezzjonijiet, kienu jieħdu gost billi ‘jaħdmu’ xeni fejn il-karattri kienu qegħdin jinbidlu f’rinoċeronti. “Irrid ngħid li l-ktieb vera tajjeb. Finalment dan irrealizzajtu, imma żgur mhux għal-lezzjonijiet tal-litteratura.” Kienu qegħdin jistudjaw l-iktar diskors miktub u argumentazzjoni fuq diversi suġġetti, mhux essenzjalment letteratura. “Kellna bżonn naqraw mhux aktar minn ktieb wieħed fis-sena,” tikxef Eva.

Eva titkellem il-Franċiż daqslikieku twieldet Franza imma għad hemm xi ftit difetti. “Kull meta nikteb “qu’est-ce que c’est” (dan/din x’inhu/i), l-ewwel irrid nispelliha imbagħad niċċekkja li ktibtha tajba. Wara dawk is-snin kollha! U probabbli jgħallmuha fl-ewwel lezzjoni tal-Franċiż,” tammetti Eva bi tmejjil imqarras. “Min-naħa l-oħra, nippreferi naqra Kundera (Milan Kundera, kittieb Ċek) bil-Franċiż.” Minkejja l-ħames snin ta’ xogħol iebes, iljieli taqra l-kotba u spiss tħossha rrabjata jew tibki, Eva żżid li l-applikazzjoni li ssottomettiet fl-2007 forsi ma kinitx deċiżjoni ħażina. “Issa li naf kif taħdem l-iskola, ma nistax ngħid fiż-żgur jekk kontx nagħmel l-istess. Almenu kont naħseb fuqha għal iktar żmien,” tammetti fl-aħħar. Minbarra l-Franċiż, tgħallmet xi ħaġa oħra – li tkun empatika. “Is-solidarjetà u s-simpatija li nħoss lejn kull persuna li marret fi skola komprensiva bilingwi, jekk hux Franċiża, Spanjola jew Ġermaniża, qatt ma tieqaf teżisti,” tidħak Eva.

[crp]

Author

Eva Lalkovičová (Is-Slovakkja)

Tistudja: Il-Midja u l-Ġurnaliżmu / Il-Lingwa u l-Letteratura Spanjola.

Lingwi: Ovvjament Iċ-Ċek u s-Slovakk :), L-Ispanjol, l-Ingliż, u ftit Katalan u Franċiż.

L-Ewropa hija… l-aqwa post fejn tista’ titwieled u tgħix, taħlita inkredibbli ta’ nies u kulturi.

Traduzzjoni

Glynnies Bonnici

Tistudja: Il-Malti u t-Traduzzjoni

Titkellem: Il-Malti, l-Ingliż u l-Franċiż

Qari tal-provi

Laura Cioffi

Tistudja: Mużika

Titkellem: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan u l-Franċiż

L-Ewropa hija… sinfonija umana li tinbidel kontinwament.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php