Tisjir man-Nanna (l-Armenja): It-Tolma

F’dan l-episodju ta’ “Tisjir man-Nanna”, Tatev u nannitha jagħmlu wieħed mill-aktar platti favoriti Armeni: It-Tolma – tip ta’ ħaxix (bħall-bżar aħdar, tadam jew ġdur) mimli bil-laħam, jew imrembel f’weraq (tad-dielja jew tal-kaboċċi), u msajjar f’borma mill-kbar nett.

Il-mod kif tippronunzja Tolma jew Dolma jiddependi kemm minn liema parti tal-Kawkasu ġej minnha kif ukoll minn kif drajt tismagħha titlissen mill-familja waqt it-trobbija tiegħek. Hemm dibattiti twal dwar l-oriġini tat-Tolma. Tgħid ġejja mill-Armenja, mill-Ġorġja jew mit-Turkija? Jew forsi minn xi reġjun ieħor tad-dinja? Minħabba dan, kien diffiċli għalija li niddeċiedi jekk nippreżentax it-Tolma bħala ikel tradizzjonali Armen jew le. Mill-banda l-oħra, kien faċli li nagħzilha peress li dan huwa l-platt li niftakru dejjem preżenti f’ħajti u li għandu rabta speċjali ma’ nannti. Kull darba li kienet tiġi żżurna, kien ifisser li ser nieklu t-Tolma waqt il-pranzu. It-Tolma bil-weraq tad-dielja u l-laħam fix-xitwa, it-Tolma bil-weraq tal-kaboċċi u l-laħam fir-rebbiegħa u fil-ħarifa, filwaqt li fis-sajf kienet tagħmel it-Tolma bil-ħxejjex u bil-laħam. Xi minn daqqiet nannti anki tagħmel it-Tolma biċ-ċereali minflok bil-laħam. Meta ssir b’dal-mod, isejħulha t-Tolma tar-Randan.

Peress li aħna familja kbira, nannti kien ikollha ħafna xogħol u kienet tipprepara ħafna Tolma biex kulħadd kien ikollu biżżejjed x’jiekol u jixba’. Waħda mill-memorji ta’ tfuliti hija din il-borma kbira u fiddiena li ommi kienet toħroġ minn fejn kienet tkun merfugħa kull meta n-nanna kienet tkun ġejja għandna. Niftakar ċar lin-Nanna, bis-sabar kollu, timla din il-borma kbira b’ammont bla qies ta’ Tolma li bħal donnu ma kien jispiċċa qatt.

Allura, Tolma xi tfisser u kif tiġi ppreparata? “Tolma” hija kelma b’għeruq Urarti; “toli” tfisser weraq tad-dielja u “ma” tfisser “mrembel”, filwaqt li “Dolma” hija kkunsidrata bħala nom verbali tal-verb Tork “dolmak”, li tfisser “tkun mimli”.

It-tħejjija tat-Tolma tiddependi mill-istaġun; fis-sajf, wieħed jista’ jsajjar it-tipi kollha f’daqqa. Ikollok bżonn laħam ikkapuljat bil-basal, kif ukoll ross, ħaxix, melħ u bżar. Imbagħad weraq frisk tal-kaboċċi u tad-dielja (li jkun irid jitgħalla l-ewwel), bżar aħdar jew aħmar, tadam u ġdur, biex timliehom bil-laħam. Għalkemm it-Tolma hija sempliċi biex tagħmilha, tinħtieġ il-paċenzja u l-ħila; wieħed irid juża d-delikatezza u jibża’ għal kull werqa u ħaxixa! Ovvjament skont il-ħwawar li tuża tista’ tagħti togħmiet differenti lit-Tolmiet li ssajjar. L-għażla tal-ħwawar tvarja skont minn fejn tkun ġej…

It-Tolma hija popolari ħafna hawn fl-Armenja, fejn saħansitra jiġi organizzat festival annwali tat-Tolma. Kull reġjun jippreżenta t-Tolma għall-festival. Dawn il-festivals jagħtu ħafna pubbliċità lir-reġjuni u jkun hemm ħafna rapurtaġġ mill-midja. Tant jeżistu tipi differenti ta’ Tolma, li hemm anka klassifika għall-aqwa ħames Tolmiet, li tinkludi t-Tolma magħmula bil-weraq tad-dielja, Tolma ‘Echmiadzin’ (bil-kaboċċi u ħxejjex oħra), Tolma tar-Randan, Tolman ‘Yerevan’ (bħat-Tolma Echmiadzin, iżda tinkludi wkoll l-isfarġel, frotta safranija, qarsa u ftit iebsa, f’forma ta’ lanġasa) u Tolma Maxx, magħmulha minn laħam imqatta’ u bulgur (ċereali magħmul minn qamħ sħiħ).

Però, l-itjeb varjetajiet ta’ Tolma huma dawk li tipprepara nannti!

[crp]

Awtur

Tatevik Vardanyan (L-Armenja)

Tistudja / Xogħol: Matematika Applikata / Fotografu, Fotoġurnalista, tagħmel Dokumentarji, Trejner (Midja Soċjali, Internet)

Lingwi: L-Armen, l-Ingliż, ir-Russu

L-Ewropa hija… ġabra ta’ kulturi, ġnus, stejjer u mumenti mill-istorja li jintgħaġnu flimkien.

Blogg: http://phantomthroughlens.wordpress.com

Instagram: http://instagram.com/tatevikvardanyan

Twitter: @Tate_Vardanyan

Traduzzjoni

Laura Cioffi

Tistudja: Mużika

Titkellem: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan u l-Franċiż

L-Ewropa hija… sinfonija umana li tinbidel kontinwament.

Qari tal-provi

Nunzio Schembri (Malta)

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php